kenn tiegħi f’jum id-dwejjaq

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru 2022.
Salm 58 (59):2-5,10-11,17-18

Talba fit-taħbit
Kull waħda minn dawn il-kelmiet tas-Salvatur turina b’liema tjieba kien iweġġaħ lil Missieru. (Ewsebju ta’ Ċesarija) 

Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi, *
ħarisni minn dawk li jqumu għalija.
Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen, *
salvani min-nies qattiela. 

Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti, †
nies qalila jinġemgħu kontrija; *
u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.
Għalkemm jien bla ħtija, *
huma jiġru u jlestu għalija. 

Imma int, Mulej tal-eżerċti, †
Alla ta’ Iżrael, qum, *
ejja u ara b’għajnejk.
Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna, *
għax int, Alla, fortizza tiegħi.
Alla tiegħi, imħabba tiegħi, jiġi jilqagħni; *
jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.
Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek; *
ngħanni ferħan fil-għodu lit-tjieba tiegħek;
għax int sirt fortizza għalija, *
kenn tiegħi f’jum id-dwejjaq.
Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni; †
għax inti, Alla, fortizza tiegħi, *
Alla tiegħi, mħabba tiegħi! 

Glorja.

Ant. 2: Alla tiegħi, ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Ant. 3: Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu; hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/