Kont żagħżugħ, u issa xjaħt

 

L-uffiċċju tal-qari, illum it-Tlieta 15 ta’ Frar 2022.

(II) 

Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust, *
u jgħażżeż snienu kontra tiegħu.
Imma l-Mulej Sidi bil-ħażin jidħak, *
għax jara li wasal żmienu. 

Jisiltu s-sejf il-ħżiena, *
u jmiddu l-ark tagħhom,
biex joqtlu l-imsejken u l-fqajjar, *
u joqtlu ’l min jimxi sewwa.
Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom, *
u l-ark tagħhom jitkisser. 

Aħjar il-ftit li għandu l-ġust *
mill-ġid kotran tal-ħżiena.
Għax dirgħajn il-ħażin jitkissru; *
imma l-Mulej iżomm il-ġusti. 

Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin, *
u wirthom jibqa’ għal dejjem.
Ma jitfixklux f’siegħa ħażina, *
u jixbgħu fi żmien il-ġuħ. 

Imma l-ħżiena għad jintilfu; †
l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba’, *
u jgħibu kif jgħib id-duħħan.
Jissellef il-ħażin u ma jroddx; *
imma l-ġust iħenn u jagħti. 

Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art; *
imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu ’l barra.
Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem, *
iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.
Jekk jaqa’, ma jmurx għal tulu fl-art, *
għax il-Mulej iżommlu idu. 

Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, †
u qatt ma rajt il-ġust minsi, *
jew uliedu jittallbu ħobżhom.
Dejjem iħenn u jislef bil-qalb, *
u wliedu jgħixu bil-barka. 

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *
biex tibqa’ tgħammar għal dejjem.
Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, *
u ma jitlaqx it-twajbin;
hu jħarishom għal dejjem, *
imma wlied il-ħżiena jeqridhom.
Il-ġusti jirtu l-art, *
u jgħammru fiha għal dejjem. 

Glorja.

Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti.

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/