Kulma nagħmel imexxini bil-għaqal

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum is-Sibt 11 ta’ Settembru.

Kantiku (Għerf 9:1-6,9-11)

Mulej, agħtini l-għerf
Nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu. (Lq 21:15) 

Alla ta’ missirijieti, Sid il-ħniena, *
bil-kelma tiegħek int għamilt kollox;
b’għerfek sawwart il-bniedem, *
biex jaħkem fuq il-ħlejjaq li int għamilt,biex irieġi d-dinja bil-qdusija u s-sewwa, *
u jaqta’ l-ħaqq b’fehma sinċiera. 

Agħtini l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron tiegħek, *
u twarrabnix minn fost il-qaddejja tiegħek.
Għax jien qaddej tiegħek, †
bin il-qaddejja tiegħek, *
bniedem dgħajjef li jintemm qasir il-għomor,
bniedem li m’għandux ħila jifhem *
il-ħaqq u l-liġijiet.
Għax ukoll min hu perfett fost il-bnedmin, *
jekk jonqsu l-għerf, li jiġi minnek,
jitqies bħax-xejn. 

Miegħek hu l-għerf, li jaf l-għemejjel tiegħek; *
hu kien hemm int u tagħmel id-dinja;
huwa jaf x’inhu dak li jogħġob lilek, *
x’inhu s-sewwa skond il-kmandamenti tiegħek. 

Ibgħat il-għerf mis-smewwiet imqaddsa, *
ibagħtu mit-tron glorjuż tiegħek,
biex jieqaf miegħi fit-tħabrik tiegħi, *
ħa nkun naf sewwa x’inhu li jogħġob lilek;
Għax huwa kollox jaf u kollox jifhem, †
f’kulma nagħmel imexxini bil-għaqal, *
u bil-glorja tiegħu jħarisni. 

Glorja.

Ant. 2: Mulej, jieqaf miegħi l-għerf tiegħek fit-tħabrik tiegħi.

Ant. 3: Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/