L-art kollha tagħtik qima

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tlieta 11 ta’ April 2023.

Salm 65 (66)

(I) Innu għas-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr
Salm għall-qawmien tal-Mulej mill-imwiet u l-konverżjoni tal-popli. (Esikju) 

Għajtu bil-ferħ lil Alla, *
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu, *
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: *
“Kemm int tal-biża’ f’għemilek!
Għall-kobor tal-qawwa tiegħek *
jitilfu l-ħila quddiemek l-għedewwa tiegħek.
L-art kollha tagħtik qima, *
tgħannilek u tgħanni lil ismek.”

Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla; *
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin.
Biddel il-baħar f’art niexfa, †
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara. *
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem; †
b’għajnejh fuq il-ġnus jgħasses;
ma jerfgħux rashom in-nies xewwiexa. 

Bierku, popli, lil Alla tagħna, *
semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
Hu li jżommna fost il-ħajjin, *
u ma jħallix riġlejna jogħtru. 

Għax int, o Alla, ġarrabtna, *
għaddejtna mill-prova bħall-fidda.
Ħallejtna naqgħu fix-xibka, *
issikkajtilna bi ħżiem ġenbejna.
Ħallejt in-nies jirkbu fuq rasna, †
għaddejtna min-nar u mill-ilma; *
iżda mbagħad ħriġtna fil-wisa’. 

Glorja.

Ant. 2: Bierku, popli, lil Alla tagħna, għax hu żammni fost il-ħajjin, hallelujah.

Ant. 3: Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel miegħi l-Mulej, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/