ma’ dawk li għandhom qalbhom safja

 

Uffiċċju tal- qari, it-Tnejn 21 ta’ Lulju 2025

Salm 72 (73)

(I)

L-għala l-ġust hu mħabbatHieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija. (Mt 11:6) 

Tassew twajjeb hu Alla ma’ min hu sewwa, *
ma’ dawk li għandhom qalbhom safja.
Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja, *
għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi.
Għax ġietni l-għira għall-kburin, *
xħin rajt il-ħżiena jimxu ’l quddiem. 

Għax dawn ma għandhom ebda tbatija, *
qawwijin u sħaħ f’ġisimhom.
M’għandhomx taħbit bħall-bnedmin tad-dinja; *
mhumiex imsawtin ma’ wlied Adam. 

Bħal ħannieqa ġawhar iżżejjinhom kburithom; *
tgħattihom bħal libsa d-dnewwa tagħhom.
Mis-simna tagħhom toħroġ ħżunithom, *
qalbhom tfawwar bi ħsibijiet fiergħa.
Jiddieħku u bil-qerq jitkellmu; *
kollhom imkabbra jheddu bil-moħqrija. 

Sa kontra s-sema jqassu; *
lsienhom mal-art kollha jlaħħaq.
Għalhekk magħhom iżomm il-poplu tiegħi, *
u jixrob kliemhom bħall-ilma.
U jgħidu: “X’jista’ jaf Alla? *
Huwa l-Għoli jaf b’xi ħaġa?”
Dawn, ara, huma l-ħżiena: *
moħħhom dejjem mistrieħ, u jistagħnu dejjem. 

Glorja.

Ant. 1: Il-Mulej hu twajjeb ma’ min għandu qalbu sewwa.

Ant. 2: Id-daħk tagħhom jinbidel f’biki, u l-hena tagħhom f’niket.