Malli titla’ x-xemx jinġabru

 

L-uffiċċju tal-qari, il-Ħadd 5 ta’ Mejju 2024

Salm 103 (104)

(II) 
Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, *
u tixba’ l-art bil-frott ta’ għemilek.
Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, *
u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,
biex joħroġ il-ħobż mill-art, *
inbid li jferraħ qalb il-bniedem,
żejt li jsebbħilhom wiċċhom, *
u ħobż li jsaħħilhom qalbhom. 

Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, *
iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.
Fihom ibejtu l-għasafar, *
iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.
Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev, *
l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri. 

Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien, *
u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.
Titfa’ d-dlam, u jsir il-lejl; *
fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.
Frieħ l-iljun jgħajtu biex jaħtfu, *
jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.
Malli titla’ x-xemx jinġabru, *
fl-għerien tagħhom jitgeddsu.
U l-bniedem joħroġ għax-xogħol, *
u jibqa’ jaħdem sa filgħaxija. 

Glorja.

Ant. 2: Il-Mulej ħareġ il-ħobż mill-art, u nbid li jferraħ qalb il-bniedem, hallelujah.

Ant. 3: Alla ħares lejn kulma għamel, u ra li kollox kien sew ħafna, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/