meta sa tiġi għandi?

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tlieta 30 ta’ Mejju 2023.

Salm 100 (101)

Stqarrija ta’ prinċep ġust
Jekk tħobbuni tħarsu l-kmandamenti tiegħi. (Ġw 14:15) 

Ngħanni u nxandar it-tjieba u l-ġustizzja; *
lilek, Mulej, irrid ngħanni.
Irrid nimxi bl-għaqal fit-triq il-perfetta; *
meta sa tiġi għandi? 

Inġib ruħi b’qalb safja ġewwa dari; *
ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem għajnejja.
Nobgħod ’il min jagħmel il-ħażen, *
u ma norbotx qalbi miegħu. 

Qalb imħassra nżommha ’l bogħod minni; *
il-ħażin ma rridx naf bih.
Min iqassas bil-moħbi fuq għajru, *
lil dan jien neqirdu.
Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra, *
ma nistax inġerrgħu. 

Inżomm għajnejja fuq it-twajbin tal-art, *
biex dawn joqogħdu miegħi.
Min jimxi fit-triq il-perfetta, *
dan hu li jaqdini.
Ma jgħammarx f’dari min jimxi bil-qerq; *
ma jżommx quddiemi min jitkellem bil-gideb.
Għodwa wara l-oħra neqred il-ħżiena kollha tal-art, *
biex inwarrab mill-belt tal-Mulej ’il kull min jagħmel il-ħażen. 

Glorja.

Ant. 1: Lilek, Mulej, irrid ngħanni; irrid nimxi bil-għaqal fit-triq il-perfetta.

Ant. 2: Mulej, la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/