Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum il-Ħadd 15 ta’ Ottubru 2023.

Salm 22 (23)

Ir-Ragħaj it-tajjebIl-Ħaruf … ikun ir-ragħaj tagħhom u hu jwassalhom ħdejn għejun ta’ ilmijiet tal-ħajja. (Apok 7:17) 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, †
xejn ma jonqosni: *
f’mergħat kollhom ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; *
hemm hu jrejjaqni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa *
minħabba l-isem tiegħu. 

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, †
ma nibżax mill-ħsara, *
għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek *
huma jwennsuni.
Int tħejji mejda għalija *
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi, *
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena *
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej *
sakemm indum ħaj. 

Glorja.

Ant. 1: Min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej ġej biex il-qaddisin tiegħu jigglorifikawh u jistagħġbu bih, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/