Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem!

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum is-Sibt 8 ta’ April 2023.

Salm 29 (30)

Radd ta’ ħajr wara l-ħelsien mill-mewt
Kristu jrodd ħajr lll-Missier wara l-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet. (Kassjanu) 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni, *
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek; *
sejjaħtlek, u int fejjaqtni.
Mulej, tellajtli mill-mewt, ’l ruħi, *
ħlistni minn fost dawk li niżlu fil-ħofra. 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu, *
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu, *
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki, *
filgħodu jidwi l-għajat ta’ ferħ. 

Mela jien għidt fl-aħjar tiegħi; *
“Żgur li qatt ma niċċaqlaq!”
Mulej, bil-pjaċir tiegħek *
fuq muntanja qawwija qegħedtni;
imbagħad ħbejt wiċċek minni, *
u jien tħawwadt għalkollox.
Lilek sejjaħt, Mulej; *
lil Sidi tlabt il-ħniena. 

X’tieħu int jekk inkun mejjet, *
jekk jien ninżel fil-qabar?
Se jfaħħrek forsi t-trab? *
Se jxandar il-fedeltà tiegħek?
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija; *
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi, *
neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.
Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda; *
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/