Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek

 


Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum il-Ħamis 24 ta’ Novembru 2022.
Salm 80 (81)

Tiġdid solenni tal-patt
Qisu li ħadd minnkom ma jkollu qalbu mħassra bin-nuqqas ta’ twemmin. (Lhud 3:12) 

Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna, *
għajtu bil-ferħ lil Alla ta’ Ġakobb!
Għollu leħen tal-għana, doqqu t-tnabar, *
doqqu ċ-ċetra ħelwa mal-arpa.
Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid, *
mal-qamar mimli f’jum il-festa tagħna. 

Għax dan hu kmandament għal Iżrael, *
din liġi ta’ Alla ta’ Ġakobb.
Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi, *
huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu. 

Kliem li ma nafux qiegħed nisma’: †
“Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek, *
ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.
Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek; *
b’leħen moħbi, bħal f’ragħda, weġibtek;
ħdejn l-ilma ta’ Meribah ġarrabtek. 

Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek: *
Iżrael, mhux li kont tismagħni!
Ma jkollokx alla ieħor f’nofskom, *
tinxteħitx quddiem alla barrani.
Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, †
li tellajtek mill-art tal-Eġittu; *
ftaħtlek ħalqek u tmajtek. 

Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni, *
Iżrael ma riedx jaf bija.
Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta’ qalbhom, *
biex imxew skond il-fehmiet tagħhom. 

Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni, *
jekk Iżrael jimxi fi triqati,
minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom, *
idi ndawwar fuq dawk li huma kontriehom. 

Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom; *
din tkun xortihom għal dejjem.
U lilhom nitmagħhom b’qamħ mill-aħjar, *
inxebbagħhom bl-għasel mill-blat.” 

Glorja.

Ant. 3: Għajtu bil-ferħ lil Alla l-Qawwi ta’ Ġakobb.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/