nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum il-Ħamis 5 ta’ Jannar 2022.

Salm 55 (56):2-7b,9-14

Tama fil-kelma tal-Mulej
Dehra ta’ Kristu fi tbatijetu. (S.Ġirolmu) 

Ħenn għalija, o Alla, †
għax qegħdin ikasbruni, *
il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.
Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi, *
għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi. 

Fik, Alla l-Għoli, jien nittama, *
meta jkolli għal xiex nibża’.
Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu; †
f’Alla nafda, m’għandix għax nibża’; *
x’jista’ jagħmilli l-bniedem? 

Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi, *
ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.
Jinġemgħu flimkien u jistaħbew, *
jgħassu l-mixi tiegħi.
Int għoddejt kull ċaqliqa tiegħi; †
iġma’ fi flixkun id-dmugħ tiegħi. *
Mhuwiex dan fil-ktieb tiegħek? 

Imbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,
meta jiena nsejjaħlek. *
Dan jien naf, li Alla hu miegħi.
Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu; *
bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.
F’Alla nitma, m’għandix għax nibża’; *
x’jista’ jagħmilli l-bniedem?
O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek; *
għalhekk inroddlok sagrifiċċji ta’ tifħir.
Għax mill-mewt int ħlistli ’l ħajti †
u ’l riġli mill-waqgħa, *
biex nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin. 

Glorja. 

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/