nixtieq illi jkollok il-ġid

 

L-għasar, it-Tlieta 22 ta’ Lulju 2025

Salm 121 (122)

Ġerusalemm, il-belt qaddisa
Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema’. (Lhud 12:22) 

Fraħt meta qaluli: *
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm! 

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribù jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej.
Biex, skont il-liġi ta’ Iżrael, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet tad-dar ta’ David. 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!
”Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid. 

Glorja.

Ant. 1: Ġesù qal lil Marija: Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?

Ant. 2: Ħadu lil Sidi, u ma nafx fejn qegħduh.