il-Mulej li jħares lill-barranin

 

Tifħir ta’sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu 2022.

Salm 145 (146)

Il-Hena ta’ min jittama fil-Mulej
Infaħħru l-Mulej tul ħajjitna kollha, jiġifieri, infaħħruh bl-imħabba tagħna. (Arnobju) 

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej! †
Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; *
ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj. 

La tittamawx fil-kbarat, *
għax il-bniedem ma jsalvakomx.
Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa’ jmur; *
jintemmu dakinhar ħsibijietu. 

Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, *
min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,
li għamel is-sema, l-art u l-baħar, *
u kulma jinsab fihom;hu li jżomm kelmtu għal dejjem, †
li jagħmel ħaqq lill-maħqurin, *
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin. 

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; *
il-Mulej li jiftaħ għajnejn il-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin; *
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin; †
hu li jżomm lill-iltim u lill-armla, *
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom. 

Il-Mulej isaltan għal dejjem; *
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/