Tgħaxxqu fil-Mulej

 

L-uffiċċju tal-qari, il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2024

Salm 67 (68)

(I) Id-dħul tal-Mulej rebbieħ
Tela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta għotjiet lill-bnedmin. (Ef 4,8) 

Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu; *
jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.
Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered, †
bħalma jdub ix-xama’ quddiem in-nar,
hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.
Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla, *
jifirħu u jaqbżu bil-ferħ. 

Għannu lil Alla, faħħru ismu, *
wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.
Tgħaxxqu fil-Mulej, *
aqbżu bil-ferħ quddiemu.
Missier l-iltiema u difensur tar-romol, *
hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom, †
u lill-ħabsin bir-risq joħroġhom; *
imma s-suppervi telaqhom jgħammru
fid-deżert jikwi. 

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek, *
int u tiela’ mid-deżert,
triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu *
quddiem Alla tas-Sinaj, Alla ta’ Iżrael.
Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,
fuq l-art, wirt tiegħek, *
u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.
Il-poplu tiegħek għammar fiha, *
fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha. 

Glorja.

Ant. 1: Għannu lil Alla, faħħru ismu, wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab, hallelujah.

Ant. 2: Hu tela’ fil-għoli, bl-ilsiera warajh, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/