tħawdu, għax Alla telaqhom

 

Talb ta’ nofs il-jum, it-Tlieta 7 ta’ Mejju 2024

Salm 52 (53)

Bluha tal-ħżiena
Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħdu mill-glorja ta’ Alla. (Rum 3,23) 

Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” *
Tħassru l-bnedmin,
għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; *
m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.
Alla mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *
biex jara jekk hemmx min hu għaqli,
min ifittex lil Alla. 

Ilkoll intilfu, †
ilkoll flimkien tħażżnu; *
ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.
Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *
dawk li qatt ma jsejħu lil Alla?
li jaħtfu l-poplu tiegħi *
kif wieħed jaħtaf il-ħobż?
Biża’ kbir waqa’ fuqhom, *
bla ma kellhom għalfejn;
għax Alla kissrilhom għadamhom lil dawk li dawruk; *
tħawdu, għax Alla telaqhom. 

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta’ Iżrael? *
Meta jerġa’ jqajjem Alla l-poplu tiegħu,
jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael. 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/