xita li ssaqqi l-art bil-għatx

 


L-għasar, illum l-Ħamis 26 ta’ Mejju 2022.

Salm 71 (72)

(I) Il-Messija bis-setgħa ta’ sultan
Fetħu it-teżori tagħhom, u offrewlu rigali: deheb, inċens u mirra. (Mt 2:11) 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, *
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, *
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. 

Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, *
tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.
Hu jħares id-dritt tal-imsejknin tal-poplu, *
isalva l-fqajrin u jrażżan ’il min jgħakkishom.
Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; *
kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien. 

Jinżel bħax-xita fuq ir-raba’ maħsud, *
bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, *
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar, *
u mix-Xmara sa truf l-art. 

Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu; *
dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.
Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali; *
is-slaten ta’ Xeba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha, *
il-ġnus kollha lilu jaqdu. 

Glorja.

Ant. 1: Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin, hallelujah.

Ant. 2: Bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/