Tħeġġet qalbi ġewwa fija

 

L-uffiċċju tal-qari, illum l-Erbgħa 17 ta’ Mejju 2023.
Salm 38 (39)

(I) Talba fil-mard

Il-ħolqien kollhu jinsab taħt il-frugħa … bit-tama li l-ħlejjaq għad ikunu meħlusa. (Rum 8:21-22) 

Jien għedt: “Irrid nara kif nimxi, *
biex ma nagħmilx dnubiet bi lsieni;
inqiegħed fuq fommi sarima, *
sakemm idum il-ħażen quddiemi.” 

Għalaqt ħalqi u bqajt sieket; †
żammejt il-kwiet, u xejn ma swieli; *
l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli.
Tħeġġet qalbi ġewwa fija; *
għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija. 

Inħall imbagħad ilsieni, u jien għedt: *
“Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi,
u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi, *
ħa nkun naf kemm xejn ma niswa.” 

Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi, †
żmien ħajti qisu xejn quddiemek. *
Tassew, daqxejn ta’ nifs kull bniedem.
Bħal dell jgħaddi l-bniedem, †
għalxejn joqgħod jitħabat, *
jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru. 

Glorja.

Ant. 1: Aħna nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna.

Ant. 2: Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/