tkun idi dejjem miegħu

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum il-Ħamis 14 ta’ Settembru 2023.

Salm 78 (79):1-5,8-11,13

Tnehid fuq Ġerusalemm
Mhux li għaraft imqar int x’inhu ta’ ġid għalik. (Lq 19:42) 

O Alla, daħlu l-ġnus f’wirtek, †
niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek, *
għamlu ’l Ġerusalemm ħerba waħda.
Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek
b’ikel lit-tjur tal-ajru; *
taw laħam il-ħbieb tiegħek lill-bhejjem tal-art.
Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm; *
u ma kienx hemm min jidfinhom.
Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna, *
għad-daħk u ż-żebliħ għal ta’ madwarna. 

Mulej, għal dejjem se tibqa’ inkurlat magħna? *
Se tibqa’ mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek? 

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi; †
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek, *
għax ninsabu mifnija għall-aħħar.
Għinna, o Alla, Salvatur tagħna, *
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna, *
minħabba l-isem tiegħek. 

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *
“Fejn hu Alla tagħhom?”
Ħa jkunu jafu l-ġnus quddiem għajnejna *
li int titħallas tad-demm li xerrdu
tal-qaddejja tiegħek.
Ħa jasal quddiemek l-ilfiq tal-imjassrin; *
fil-kobor tal-qawwa tiegħek
salva ’l dawk li huma għall-mewt. 

U aħna, il-poplu tiegħek
u l-merħla tal-mergħa tiegħek, *
niżżuk ħajr għal dejjem;
minn żmien għal żmien *
inxandru t-tifħir tiegħek. 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/