U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu

 

L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2022.

Salm 77 (78)

(V) 

U ħareġ bħal nagħaġ il-poplu tiegħu, *
bħal merħla fid-deżert mexxiehom.
Qegħedhom fiż-żgur, u ma beżgħux; *
imma l-għedewwa tagħhom għattiehom il-baħar.
U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu, *
fuq l-għolja li kisbet il-leminija tiegħu.
Keċċa l-ġnus minn quddiemhom, †
u arthom qassam b’wirt lil Iżrael, *
fi djarhom daħħal il-poplu tiegħu. 

Ġarrbu u kiddu lil Alla l-Għoli, *
ma ħarsux il-kmandamenti tiegħu.
Reġgħu lura u naqsu bħal missirijiethom, *
għawġu triqthom bħal ark li jqarraq bik.
Regħxuh fuq l-għoljiet tagħhom, *
kebbsulu l-għira bl-idoli tagħhom. 

Sama’ b’dan Alla, u nxtegħel bl-għadab, *
u warrab għalkollox lil Iżrael.
Telaq is-santwarju ta’ Silo, *
l-għarix fejn kien jgħammar fost il-bnedmin.
Ħalla f’idejn l-għadu l-arka tiegħu, *
fejn kien hemm il-qawwa u l-glorja tiegħu.
Telaq għas-sejf il-poplu tiegħu, *
ħadha bl-aħrax kontra wirtu. 

In-nar qered liż-żgħażagħ tagħhom, *
siket l-għana taż-żwieġ għax-xbejbiet tagħhom.
Il-qassisin tagħhom mis-sejf intlaqtu, *
u ma setgħux jibkuhom ir-romol tagħhom. 

Glorja.

Ant. 2: Il-Mulej wassalhom sa fuq l-għolja mqaddsa tiegħu.

Ant. 3: Għażel it-tribù ta’ Ġuda, u ’l David, qaddej tiegħu, biex jirgħa lil Iżrael il-wirt tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/