u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja

 

Talb ta’ nofs il-jum, l-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2025

Salm 93 (94)

(II) 

Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej, *
li tgħallmu l-liġi tiegħek,
biex isserrħu f’jiem l-għawġ, *
sa ma jitħaffer il-qabar għall-ħati.
Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu, *
ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.
Għax il-ħaqq jerġa’ jsir bil-ġustizzja, *
u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja. 

Min se jaqbeż għalija kontra l-ħżiena? *
Min se jżomm miegħi kontra min jagħmel il-ħażin?
Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna, *
għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.
Biżżejjed ngħid: “Qiegħed jiżloq riġli,” *
biex tjubitek, Mulej, tweżinni.
Meta joktor l-hemm ġo qalbi, *
il-faraġ tiegħek jhennili ruħi. 

Jistgħu mħallfin ħżiena jissieħbu miegħek, *
li jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi?
Jiftiehmu bejniethom kontra l-ħajja tal-ġust, *
u jikkundannaw in-nies bla ħtija. 

Iżda l-Mulej hu fortizza għalija, *
u Alla tiegħi l-blata tal-kenn tiegħi.
Hu jdawwar għal fuqhom ħżunithom, †
għall-ħażen tagħhom jeqridhom; *
jeqridhom il-Mulej Alla tagħna! 

Glorja.

Ant. 3: Il-Mulej hu fortizza għalija, u l-blata tal-kenn tiegħi.