U issa, Mulej Sidi, jien x’nistenna?

 

L-uffiċċju tal-qari, illum l-Erbgħa 12 ta’ Lulju 2023.

Salm 38 (39)

(II) Talba fil-mard

U issa, Mulej Sidi, jien x’nistenna? *
Fik biss hija t-tama tiegħi.
Eħlisni minn ħtijieti kollha, *
titlaqnix għaż-żebliħ tal-iblah.
Niskot jien, ma niftaħx ħalqi, *
għax dan hu għemil tiegħek. 

Warrab minni d-daqqiet tiegħek; *
mifni jien bis-swat ta’ jdejk.
B’kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem, †
bħal kamla tgħarraqlu ġmielu. *
Tassew, daqxejn ta’ nifs kull bniedem. 

Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, †
agħti widen għall-għajta tiegħi, *
tibqax trux għad-dmugħ tiegħi.
Għax jien mhux ħlief mistieden għandek, *
barrani, bħal missirijieti kollha.
Warrab ħarstek minn fuqi, biex nieħu n-nifs, *
qabel ma nitlaq u nintemm għalkollox.” 

Glorja.

Ant. 2: Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

Ant. 3: Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/