u l-mistħija tiksili wiċċi

 

L-uffiċċju tal-qari, illum l-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru 2022.

Salm 68 (69):2-22,30-37

(I)
Il-ħeġġa għal darek fnietni
Tawh jixrob inbid b’ taħlita morra. (Mt 27:34) 

Salvani, o Alla, *
għax l-ilma laħaq sa griżmejja.
Sibt ruħi mgħaddas f’ħama fond; *
ma hemmx fejn inserraħ riġlejja.
Sibt ruħi f’ilma għoli; *
il-mewġ qed ikaxkarni.
Ma niflaħx ngħajjat iżjed, †
griżmejja nħanqu; *
tgħammxu għajnejja, jien u nistenna ’l Alla tiegħi.
Dawk li għal xejn jobogħduni *
huma iżjed mix-xagħar ta’ rasi;
dawk li bil-gideb jixluni †
huma b’saħħithom aktar minn għadmi; *
ġagħluni nrodd dak li ma sraqtx. 

Int, o Alla, taf bil-bluha tiegħi; *
ħtijieti mhumiex moħbija minnek.
Ma jinfixilx minħabba fija min jittama fik, *
Mulej tal-eżerċti;
ma jistħix minħabba fija min ifittex lilek, *
Alla ta’ Iżrael. 

Għax minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir, *
u l-mistħija tiksili wiċċi.
Sirt barrani għal ħuti; *
ulied ommi ma jagħrfunix. 

Għax il-ħeġġa għal darek fnietni, *
it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi.
Għakkist bis-sawm lili nnifsi, *
u swieli biss biex żebilħuni. 

L-ixkora li tfajt fuqi bi lbiesi *
ġibdet fuqi t-tpaċpiċ tagħhom.
Jgħidu fuqi bilqiegħda f’bieb il-belt; *
jixorbu l-inbid u jgħannu fuqi. 

Glorja.

Ant. 1: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, jien u nistenna ’l Alla tiegħi.

Ant. 2: Tawni b’ikel il-velenu, sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/