u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl

 

L-uffiċċju tal-qari, illum il-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2023.

Salm 62 (63):2-9

Ir-ruħ għatxana għal Alla
Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad egħmejjel il-lejl. 

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bilgħatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek. 

Glorja.

Ant. 1: F’dak il-jum il-muntanji jqattru nbid ġdid, u l-għoljiet inixxu ħalib u għasel, hallelujah.

Ant. 2: Il-muntanji u l-għoljiet jgħannu t-tifħir lil Alla, u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk, għax Sidi l-Mulej ġej isaltan għal dejjem, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/