Wettqilna int ix-xogħol ta’ jdejna

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tnejn 29 ta’ Mejju 2023.

Salm 89 (90)

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna
Quddiem il-Mulej, jum wieħed hu elf sena u elf sena jum wieħed. (2 Piet 3:8) 

Mulej, int kont għalina *
Kenn minn nisel għal nisel.
Qabel ma twieldu l-muntanji, †
qabel ma tnisslu l-art u d-dinja, *
minn dejjem ta’ dejjem int, o Alla! 

Int treġġa’ l-bnedmin lejn it-trab, *
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”
Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda, *
jew bħal sahra tal-lejl. 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma. *
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar, *
filgħaxija jidbiel u jinxef. 

Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek, *
mibluha minħabba l-għadab tiegħek.
Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna, *
dnubietna l-moħbija fid-dawl ta’ wiċċek. 

Il-jiem kollha tagħna jgħibu minħabba qilltek, *
jintemmu bħal tnehida s-snin ta’ ħajjitna.
Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; *
l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna;
u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; *
malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom. 

Min jista’ jifhem il-qawwa tal-qilla tiegħek? *
Min jista’ jqis il-biża’ tal-għadab tiegħek?
Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, *
sabiex aħna nimxu bil-għaqal. 

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum? *
Ħenn għall-qaddejja tiegħek.
Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek, *
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ferraħna daqskemm għakkistna, *
għas-snin li fihom rajna l-ħsara. 

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, *
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna! *
Wettqilna int ix-xogħol ta’ jdejna. 

Glorja.

Ant. 1: Imlejtna sa minn kmieni, Mulej, bit-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Jitla’ minn truf l-art it-tifħir tal-Mulej!

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/