Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek

 


Talba ta’ nofs il-jum, illum it-Tlieta 31 ta’ Mejju 2022.

Salm 73 (74)

(II) 

Int fridt b’qawwietek il-baħar, *
u sħaqt irjus id-draguni tal-ilma.
Int farrakt l-irjus tal-Levjatan, *
u tajtu b’ikel lil klieb il-baħar.
Int ftaħt għejun u widien, *
u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.
Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl; *
il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.
Int ħażżejt it-truf kollha tal-art; *
is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom. 

Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu, *
kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.

Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek; *
tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.
Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek, *
għax l-art mimlija dlamijiet u qerq. 

Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija, *
biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.
Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek; *
ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu. 

Tagħlaqx widnejk
għall-għajjat tal-għedewwa tiegħek, *
għall-ħsejjes bla heda ta’ min jeħodha miegħek. 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/