Alla għajjur li jfejjaqna bil-pjagi tiegħu

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Kwadru Titulari Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

Għal dan intom kontu msejħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu. “Hu li ma kien għamel ebda dnub, u ebda qerq ma nstab f’fommu,” meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust. Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fieqtu.

1 Pietru 2, 21-24

It-taqbid eżistenzjali li ħabbat il-ħsieb u l-qlub ta’ ħafna sa mis-seklu dsatax, kif aċċennajna għaliha fl-artiklu ta’ qabel, iwassalna fuq l-għatba ta’ kriżi nukleari bla preċedenti fil-preżent. Il-politiċi mondjali, huma u jfasslu l-programmi u l-pjanijiet tagħhom, donnhom iħarsu lejn Alla bħal Voltaire mill-perspettiva tat-teodiċità, ċioè li Alla qiegħed hemm iżda biss fl-isfond ta’ ġrajjiet il-bniedem.

Aħna u nħarsu mill-ġdid lejn il-kapulavur ta’ Alessio Erardi, fuq il-lemin tagħna naraw purtiera miftuħa fuq xena marittima b’iġfna tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-ġrajja tal-Ordni hija marbuta mill-qrib mal-kwadru titulari ta’ Ħaż-Żabbar proprju peress li s-Santwarju kien post fejn kienu jirrikorru dawk li kienu jinsabu f’xi forma jew oħra ta’ tempesta f’ħajjithom. F’dan l-isfond tal-kwadru, naraw li ġrajjiet il-bniedem sa ċertu punt huma distanti mix-xbieha tal-Verġni Mqaddsa Marija bil-Bambin fi ħdanha. Allura dak li ħaseb Voltaire, dak li qed iseħħ fix-xenarju internazzjonali, u dak li qed jiġri fil-kwadru huwa l-istess?

Meta Erardi pitter din ix-xena, bħal donnu ried jgħidilna li l-ġrajjiet tal-bniedem mhumiex ikbar minn dak li hu verament importanti għal Alla, ċioè s-salvazzjoni tal-erwieħ. L-intervent Marjan huwa qabel kollox l-intervent Kristoloġiku, li hu bil-wisq akbar milli nistgħu naħsbu u wisq ikbar minn kull intervent politiku jew militari. Alla, mhux talli huwa interessat fil-bniedem, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw Voltaire u xi filosofi oħra li tawna dijanjosi tal-kundizzjoni umana bla Alla, talli Alla huwa “Alla għajjur” (Eż 20, 2), kif hu stess jistqarr. Huwa Alla li jinteressa ruħu fina aktar milli nistgħu nikkonċeppixu, u jiftaħ dirgħajh għalina biex bil-pjagi tiegħu aħna nfiqu (ara 1 Piet 2, 24; Is 53, 5).

Minn liema perspettiva se tagħżel li tħares lejn Alla fil-konfront tal-ġrajja tal-umanità? Kif tifhem il-ħajja tiegħek fil-kuntest usa’? Taraha sempliċiment mitlufa qalb il-konfużjoni ta’ żminijietna? Jew tilbes in-nuċċali tat-tama li, sew mill-bogħod u sew mill-viċin, jurina kemm Alla hu tassew qrib tagħna?