Alla jbati l-Passjoni tal-Imħabba

It-Tieni Riflessjoni dwar il-kwadru tat-Trinità Qaddisa fil-Knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu

Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

Lhud 4, 16

It-tifsila tal-parti ta’ fuq tal-kwadru tat-Trinità li nsibu fil-Knisja Matriċi tal-Birgu tixbah ħafna lil dik li fl-arti nirreferu għaliha bħala t-tron tal-grazzja, bil-Missier liebes ilbies pontifikali u jżomm b’idejh is-salib bi Kristu mislub fuqu. Il-qagħda Trinitarja f’dan il-kwadru turina lill-Missier mogħni b’djadema trijangulari, bi Kristu mejjet fi ħdanu u bl-Ispirtu s-Santu f’għamla ta’ ħamiema, imdawrin minn puttini u minn simboli tal-passjoni. Din ir-rappreżentazzjoni tesprimi l-fidwa bħala misteru u azzjoni tat-Trinità sħiħa, ’il barra minnha nnifisha, għall-ġid tagħna l-bnedmin. Bħalma kien il-Missier li offra lil Ibnu għall-fidwa tagħna, hekk ukoll il-Missier, b’idu x-xellugija miftuħa lejn l-ispettatur, jidher qed joffrihulna mill-ġdid bħala “Ewkaristija” sabiex nilqgħuha ħalli l-fidwa sseħħ fina u niksbu s-salvazzjoni.

Kif josserva l-Papa Benedittu XVI fil-ktieb ippubblikat wara mewtu, Che Cos’È il Cristianesimo, din il-qagħda teħlisna minn kull interpretazzjoni ta’ ġustizzja ħarxa li kienet teħtieġ id-demm biex tiġi ssodisfata, imma turina lill-Missier bħal donnu qiegħed ma’ Ibnu fuq is-Salib. Il-ħażen tal-umanità ma setax jiġi injorat imma, mqanqal mill-ħniena, Alla Trinità jieħu fuqu dan il-ħażin u jaqsam fit-tbatija tal-bniedem biex hekk il-ħażin jiġi mirbuħ u megħlub bl-uniku mod li dan seta’ jseħħ, jiġifieri biss fit-tbatija tal-imħabba. Mhux ta’ b’xejn li Oriġene jikteb hekk:

Dan hu li nifhem dwar is-Salvatur. Fil-ħniena tiegħu lejn il-ġens tal-bnedmin niżel fl-art, ġarrab il-passjonijiet tagħna qabel bata s-salib u għoġbu jieħu fuqu laħamna. Għax kieku ma ġiex imġarrab, ma kienx jidħol fil-mod ta’ ħajja tal-bnedmin. L-ewwel ġie mġarrab, imbagħad niżel, u deher fostna. X’kienet din il-passjoni li bata minħabba fina? L-imħabba hi l-passjoni. Imma l-Missier innifsu, Alla tal-univers, kollu sabar u ħanin u jagħder bil-bosta, forsi ma batiex b’xi mod? Jew ma tagħrafx li, meta ħa f’idejh il-ħwejjeġ tal-bnedmin, bata passjoni umana? Għax il-Mulej Alla tiegħek ħa fuqu l-modi ta’ ħajja tiegħek, bħalma bniedem iġorr lil ibnu. Għalhekk, Alla ħa fuqu l-modi ta’ ħajja tagħna, bħalma l-Iben ta’ Alla ħa fuqu l-passjonijiet tagħna. Il-missier innifsu mhuwiex meħlus mit-tbatija. Jekk insejħulu, huwa jagħder u jħenn, u b’xi mod ibati passjoni ta’ mħabba.

Oriġene, Homiliae in Ezechielem 6.6 (PG , 714C-715A)

Erġa’ aqra dan il-kliem tant sabiħ, u erġa’ aqrah .. u ibqa’ aqrah sakemm f’qalbek iġġarrab din l-imħabba hekk profonda ta’ Alla għalik.