Bla mħabba xejn ma jkun jiswieli
It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Trijonf tal-Imħabba, Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.
U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu,
kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji,
imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn.
U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità
u nagħti ġismi għall-ħruq
bla ma jkolli mħabba,
xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.
1 Korintin 13, 1-3
Barra l-figura allegorika tal-Imħabba li tiddomina, fix-xena nsibu għadd ta’ puttini: Insibu l-ewwel grupp li jifforma ċirku fl-ajru madwar il-figura materna, b’wieħed minnhom iżomm f’idu torċa taqbed li tkebbes l-imħabba—u allura tfakkira li l-imħabba, inkwantu virtù teologali, hija don ta’ Alla u tiġi mkebbsa minnu. Hemm tliet puttini eżatt madwar il-figura allegorika, wieħed imħaddan magħha, u tnejn weqfin ħdejha fuq il-karru u hi qed iżżommilhom idhom—hekk li tkompli toħroġ iktar il-maternità. Imbagħad hemm tliet puttini oħra n-naħa t’isfel, wieħed qiegħed isuq l-iljuni li qed jiġbdu l-karru u f’idu għandu l-vleġġa (ukoll simbolu tal-imħabba), u t-tnejn l-oħra mixjin wara l-karru, wieħed qed jaħraq żewġt isriep (simbolu tal-ħażen u d-dnub) u l-ieħor f’idu l-leminija għandu qalb bi fjamma fuqha u f’idu x-xellugija l-qaws għall-vleġġa tal-imħabba.
Riekeb fuq il-karru hemm ukoll pellikan li, kif spjegajna f’riflessjoni oħra, huwa simbolu tal-imħabba għax, skont tradizzjoni antika, fi żminijiet ta’ skarsezza l-pellikan omm tqatta’ sidirha u tisqi l-frieħ tagħha b’demmha sabiex iżżommhom ħajjin.
Filwaqt li tħalli ’l għajnejk iduru fuq dawn l-anġli u s-simboli kollha, ara liema jolqtok l-iktar bħala xbieha tal-Imħabba li Alla jiżra’ fil-qalb tal-bniedem u ħalliha tnissel fik xewqa/talba għal imħabba ikbar.