Dak li jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh
It-Tielet Riflessjoni: It-Trijonf tal-Knisja, il-Katidral tal-Imdina
Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani,
is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien,
li hu biss ma jmut qatt
u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh,
hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah.
Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Ammen.
1 Tim 6, 15-16
Fuq, fin-nofs ta’ dan l-affresk kwadra fuq sfond ta’ sema ikħal u sħab fuq l-istess skala tal-kumplament tas-saqaf tal-Katidral tad-Djoċesi tagħna, insibu l-figura ta’ Kristu u l-Ispirtu s-Santu taħt forma ta’ ħamiema. Il-Missier etern ma jidhirx hawnhekk. Bħal San Anselmu ta’ Cantebury fil-Proslogion huwa u jibda l-meditazzjoni tiegħu fuq in-natura ta’ Alla, quddiem il-misteru ta’ Alla aħna wkoll nistaqsu:
Tassew, int tgħammar f’dawl fejn ħadd ma jista’ jersaq. U fejn hu dan id-dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh? Kif se nersaq lejn dan id-dawl jekk ħadd ma jista’ jilħqu? Jew min iwassalni u jdaħħalni fih, biex nara lilek fih?
Anselmu ta’ Cantebury, Proslogion, 1
Imma hemm dawl fil-linja tan-nofs li ħiereġ mis-sħab minn wara l-Ispirtu s-Santu għal fuq Kristu, u mbagħad jinfirex ’l isfel. U Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ dan id-dawl u mħaddan minnu għax, għalkemm “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1, 18). Bl-inkarnazzjoni Kristu jsir id-dawl tad-dinja (Ġw 8, 12). Huwa dan id-dawl li jiddi fuq wiċċ il-Knisja hija twassal din l-aħbar it-tajba lill-ħolqien kollu (ara Lumen Gentium, par. 1).
Jiena u nistinka sabiex iktar ninfetaħ għall-misteru ta’ Alla huwa u jurina lilu nnifsu, kemm infittex li, sew bħala individwu u kif ukoll bħala membru tal-Knisja, inwassal l-istess dawl ta’ Kristu li jiddi fuqi?