Ejja nurik l-Għarusa, mart il-Ħaruf
L-Ewwel Riflessjoni: It-Trijonf tal-Knisja, il-Katidral tal-Imdina
Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom;
imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu:
Ħafrilna dnubietna kollha.
Ħassar il-kont tad-dejn li kellna
bl-obbligi li kien hemm kontrina;
neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.
Neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat,
u għamel wirja minnhom quddiem id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu bi Kristu.
Kol 2, 13-15
Impittra mas-saqaf tal-kor tal-Katidral tal-Imdina nsibu xena allegorika li tirrappreżenta t-Trijonf tal-Knisja, xogħol tal-aħwa Manno minn Sqallija. Għalkemm tista’ tidher xena minn epoka oħra b’immaġinarju ta’ dinja li għaddiet, xorta waħda għandha kelma x’tgħidilna llum. Ix-xena hija ddominata minn Kristu u l-figura allegorika tal-Knisja. Fl-arti, ġeneralment il-figura allegorika ta’ poplu hija waħda femminili, ukoll jekk xi minn daqqiet l-ilbies ikun iktar assoċjat ma’ kategoriji maskili. F’dan il-każ, il-figura femminili hija mlibbsa lbies pontifikali u bl-imfietaħ f’idejha u t-trirenju fuq rasha—simbolu tal-Papat u l-firxa tal-poplu ta’ Alla fuq tliet stati:
sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu (ara Mt 25,31) u, bil-qerda tal-mewt, kollox jitqiegħed taħt riġlejh (ara 1 Kor 15,26-27), xi wħud mid-dixxipli tiegħu għadhom pellegrini fuq l-art, oħrajn li diġà ħallew din il-ħajja jew qegħdin jissaffew jew diġà qegħdin fis-sebħ u jaraw ċar ’l Alla kif inhu fih innifsu, wieħed fi tliet persuni.
Lumen Gentium, par. 49
Fit-Testment il-Ġdid insibu żewġ kwalitajiet femminili strettament assoċjati mal-Knisja: dik ta’ għarusa u dik ta’ omm—xbieha doppja li testendi mill-ħajja stess ta’ Kristu fil-persuna ta’ Ommu li, fl-Evanġelju skont Ġwann, hija l-Mara u l-Omm imsieħba fil-fidwa tiegħu taħt is-Salib (Ġw 19, 25-27), u narawha fil-milja tagħha fl-Apokalissi fil-Mara liebsa x-xemx li kienet fit-tqala (Apok 12, 1-6) u l-Għarusa, mart il-Ħaruf (Apok 21, 9). Anke San Pawl fl-Ittra lill-Efesin jipproponi r-rabta ta’ mħabba bejn Kristu u l-Knisja bħala mudell għall-ħajja miżżewġa (Ef 5, 21-33).
Quddiem din il-figura li tfakkarna fil-Knisja li minna lkoll nagħmlu parti—l-omm li aħna lkoll uliedha—nimtlew bil-gratitudni u nagħrfu li m’aħniex imħollija waħedna fuq l-art. Irroddu wkoll ħajr lil Alla għal tant nisa fil-Knisja li, bix-xhieda profetika u l-impenn tagħhom li jnisslu l-fidi, iżommu ħaj u attiv il-Poplu ta’ Alla.