“Ejjew għandi”
Is-Sitt Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Paola
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin … Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”
Mattew 11, 25. 28-29
Jekk fin-naħa ta’ fuq tal-pittura, Lazzru Pisani jpoġġi madwar Ġesù figuri prominenti fin-nisġa tar-rakkonti tal-ġrajja tiegħu meta kien fuq l-art—figuri li permezz tagħhom twaqqfet il-Knisja—fil-parti ta’ isfel tal-pittura naraw nies li jiffurmaw il-Poplu ta’ Alla llum—il-Knisja li għadha pellegrina fuq l-art.
Libsin ilbies taż-żmien meta saret il-pittura, madwar il-blata li fuqha hemm it-tron ta’ Ġesù, insibu seba’ figuri, kollha nies ta’ etajiet differenti u ġejjin minn mixjiet differenti tal-ħajja imma li bejniethom jirrappreżentaw il-Poplu kollu ta’ Alla.
Jekk nibdew mix-xellug tagħna, l-ewwel figura hija dik tal-qassis liebes is-suttana u jakkumpanja tifel u tifla ppreparati biex jitqarbnu. Il-qassis qiegħed iżomm it-tarf ta’ terħa bajda li t-tfal qegħdin iżommu f’idejhom, bħalma kienu jintużaw dahri fit-tqarbin sabiex jilqgħu l-frak tal-ostji kkonsagrati li jistgħu jaqaw. Tajjeb inżommu f’moħħna li din il-pittura saret fl-1911, jiġifieri sena biss wara li l-Papa Piju X baxxa l-età tal-Ewwel Tqarbina għal 7 snin—jiġifieri meta jilħqu l-età tar-raġuni u allura jistgħu tal-anqas jiddistingwu l-Ewkaristija minn kwalunkwe biċċa ħobż—permezz tad-digriet Quam singulari.
Jekk inkomplu mexjin, naraw raġel ħafi u bil-bastun mitluq quddiemu, x’aktarx matur fiż-żmien u fqajjar. Maġenbu naraw mara liebsa libsa sewda u b’rasha mgħottija bl-għonnella, hekk li diffiċli tgħid l-età tagħha. L-aħħar żewġ figuri—li naraw biss rashom—huma żewġ nisa relattivament żgħar fl-età u libsin velu, ta’ waħda kkulurit u tal-oħra ta’ lewn abjad—possibbilment tista’ tkun soru, imma diffiċli tgħid.
Għalkemm kollha għandhom pożizzjoni differenti, nistgħu ngħidu li kull qagħda hija sinjal ta’ qima u fidi fl-Ewkaristija u fil-misteru ta’ dik il-Qalb tal-laħam ta’ Alla. Tajjeb ukoll li nżommu f’moħħna li dak iż-żmien il-popolazzjoni ta’ Raħal Ġdid bdiet tikber ġmielha u kienet magħmula primarjament minn ħaddiema u nies komuni. Mhux ta’ b’xejn li, fiċ-ċiklu tal-Qari ta’ Sena A, il-Knisja tagħżel il-versi li nsibu iktar ’il fuq fejn Ġesù jesprimi t-tifħir tiegħu lill-Missier li jgħarraf il-misteri tas-Saltna liċ-ċkejknin—jiġifieri lil dawk li jagħrfu ċ-ċokon tagħhom quddiem Alla u jiċċekknu quddiemu—filwaqt li jistieden lill-bnedmin kollha u jgħidilhom: “Ejjew għandi!”
Qed tismagħha tidwi f’widnejk ukoll din l-istedina-kmand ta’ Ġesù? Jekk le, iktar milli tnaddaf widnejk sew, x’aktarx iktar għandek bżonn tinża’ ftit mill-kburija tiegħek. Imma agħmel il-qalb: anke għalik hemm post f’riġlejh sabiex tħares lejn dak li nifduh u tersaq lejh biex taqla’ l-ħniena u ssib il-grazzja li teħtieġ (ara Lhud 4, 16).