Eliżew: “Ħa jkun hemm fija żewġ ishma mill-ispirtu tiegħek!”
Is-Sitt Riflessjoni dwar il-pitturi ta’ Michele Bellanti fil-Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina
Elija qal lil Eliżew: “Itlobni x’għandi nagħmillek qabel ma nittieħed minn ħdejk.” U Eliżew wieġbu: “Ħa jkun hemm fija żewġ ishma mill-ispirtu tiegħek!” U qallu: “Ħaġa iebsa tlabtni. Jekk tarani nittieħed minn ħdejk, ikunlek hekk; jekk le, ma jkunlekx.”
U ġara li huma u sejrin, jimxu u jitkellmu, f’daqqa waħda karru tan-nar bi żwiemel tan-nar firidhom minn xulxin, u Elija tala’ s-sema fir-riefnu. Eliżew baqa’ jħares u jgħajjat: “Missieri, Missieri, il-karru ta’ Iżrael u r-rikkieb tiegħu.” U ma rahx iżjed; u qabad fi ħwejġu u ċarrathom f’biċċtejn. Imbagħad ġabar il-mantar ta’ Elija li kien waqa’ minn fuqu, u raġa’ lura u waqaf max-xatt tal-Ġordan. U ħa l-mantar ta’ Elija li kien waqa’ minn fuqu u ħabbtu mal-ilma, u qal: “Fejn hu l-Mulej Alla ta’ Elija issa? Fejn hu?” U ta daqqa fuq l-ilma, u dan inferaq, ’l hawn u ’l hemm, u Eliżew għadda għan-naħa l-oħra.
2 Slaten 2, 9-14
Għalkemm ma tantx jispikka, fl-isfond tax-xena tat-tlugħ drammatiku ta’ Elija fis-sema nsibu lill-Profeta Eliżew. Meta ħajjet Elija kienet mhedda u ħarab lejn il-Ħoreb, il-Mulej jordnalu biex jidlek lil Eliżew profeta ħalli jeħodlu postu meta jasal il-waqt. Minnufih, “Elija telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat, waqt li kien qiegħed jaħrat bi tnax-il żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed imexxi t-tnax-il wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu” (1 Slat 19, 19). Eliżew fehem mill-ewwel li dan ma kienx ġest fieragħ imma kien azzjoni profetika li tfisser għażla. Għaldaqstant, Eliżew “qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u kielu. U hu mar wara Elija, u beda jservih” (1 Slat 19, 21).
Dan iż-żmien li qatta’ jaqdi lil Elija serva ta’ apprendistat għal Eliżew biex hu wkoll ikun profeta qawwi fil-kliem u fl-għemil. Kif rajna iktar ’il fuq, meta dan il-mument wasal, għall-bidu Eliżew jirribella għat-telfa tal-imgħallem tiegħu u, bħall-Appostli meta Ġesù tela’ s-sema, baqa’ jħares ’il fuq bħal donnu ma jistax jaċċetta li issa kien wasal iż-żmien tiegħu. Imma x-xewqa ta’ Eliżew isseħħ, u Bellanti jaqbad dan id-dettall b’mod mill-iktar espressiv: huwa u jiġi meħud ’l fuq fil-karru, Elija jiftaħ idejh biex iħaddan l-infinit, waqt li jħalli l-mantar itir minn fuqu. Fl-istess ħin, Eliżew jidher jitlob ħerqan biex isseħħ ix-xewqa tiegħu.
Lilna wkoll, waqt l-aħħar ikla, Ġesù wegħidna li jekk nibqgħu fih, kulma nitolbu jingħatalna. Nemmnuh dan tassew? Kemm hu b’saħħtu u sod it-talb tagħna? Alla għadu jwettaq għeġubijiet imma ma jisforzax ruħu fuq in-nuqqas ta’ fidi tagħna fis-setgħa tiegħu. Imma, jekk tassew nemmnu li ġejna magħżulin qabel ma aħna għażilna lil Alla bħala l-Mulej ta’ ħajjitna, allura tassew nistgħu nitolbu kollox u niksbu l-qawwa li nagħmlu l-frott għax ma nkunux qed inserrħu fuq il-ħila tagħna imma, bħal Eliżew, nitgħallmu nagħrfu l-imħabba ta’ Alla għalina u nħalluha tkun il-blata li fuqha nibnu ħajjitna.