
“Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad”
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Mużajk fil-Knisja “tal-Erwieħ,” Ħal Tarxien
Hekk kif fl-aħħar u l-ewwel jiem tas-sena liturġika tagħha, il-Knisja ddawwar il-ħarsa tagħna fuq it-tieni miġja ta’ Kristu, f’dawn il-ġimgħat se nikkontemplaw il-mużajk kbir li jokkupa l-post tal-kwadru titulari fil-Knisja ta’ Kristu Rxoxt, Ħal Tarxien, magħrufa iktar bħala “tal-Erwieħ” proprju għax hija l-knisja taċ-ċimiterju tar-raħal.
Il-knisja preżenti ħadet post kappella qadima li kienet saret wisq ċkejkna biex taqdi l-ħtiġijiet pastorali tan-nies li jgħixu fiż-żona fejn jiltaqgħu l-parroċċi ta’ Ħal Tarxien, Kristu Re Raħal Ġdid, u l-Fgura. L-arkitett Taljan tal-Knisja, Mons. Valerio Vigorelli, kien ferm attent li jfassal knisja li tidħol tajjeb mal-fdalijiet tat-Tempju Neolitiku ta’ Ħal Tarxien li biswithom hi mibnija, partikolarment fl-użu tal-ġebla Maltija u fit-tifsila u d-dekorazzjoni tagħha.
Il-mużajk, xogħol Angelo Manelli mill-Istituto Beato Angelico, għandu forma ta’ daħna tiela’ ’l fuq lejn is-sema qisha minn fuq l-altar stess. Xi ftit ifakkarna f’dak li nsibu f’Salm 141 u li fl-antik kien jingħad minn taħt l-ilsien mis-saċerdot fl-offertorju waqt li jdur madwar l-altar biex jinċensah :
Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek;
ikunu idejja merfugħa ’l fuq
bħas-sagrifiċċju filgħaxija.
Salm 141, 2
Il-Ktieb tal-Apokalissi wkoll iqabbel it-talb tal-qaddisin—tad-dixxipli ta’ Ġesù b’fedeltà sal-aħħar—mal-inċens tiela’ ’l fuq (ara Apok 5, 8; 8, 3-4).
Ħaġa li tassew tispikka f’din l-opra ta’ arti kontemporanja hija li fi strati differenti naraw iseħħu fl-istess ħin it-taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin tal-preżent dejjiemi tal-istorja, il-ġudizzju aħħari, u l-glorja li għad trid tilħaq il-milja tagħha fl-aħħar taż-żmien. Il-fus tal-opra huwa waħda mill-parabboli msejħa tas-Saltna ta’ Smewwiet li nsibu fl-Evanġelju skont San Mattew, dik li jgħid Ġesù dwar il-qamħ u s-sikrana:
Ġesù ġabilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?’ Iżda hu qalilhom, ‘Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.’ ‘Tridx immorru niġbruha?’ qalulu l-qaddejja. ‘Le,’ qalilhom, ‘għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’ ”
Mattew 13, 24-30
Jekk nieqfu nħarsu lejn il-parti t’isfel nett, fil-fatt mill-ewwel nilmħu figura mudlama u oħra mdawla, it-tnejn qegħdin ixerrdu ż-żerriegħa tas-sikrana u tal-qamħ rispettivament u fl-istess ħin … kif wara kollox jiġri fil-ħajja ta’ kuljum, fejn it-tajjeb u l-ħażin jitħawdu u jitgħaqqdu f’xulxin, u t-tajjeb irid jissara biex jikber għax il-ħażin jisraqlu l-enerġija. Id-deċiżjoni tas-sid li jittardja l-ġudizzju tiegħu hu dovut għall-fatt li s-sikrana u l-qamħ jintagħrfu bejniethom meta jimmaturaw u jidher il-frott, “il-qamħ mimli fis-sbula” (Mk 4, 28).
Tajjeb li f’dawn il-jiem tgħarbel ftit lilek innifsek quddiem din ix-xbieha. Agħraf li, anke f’qalbek, hemm kemm dak li xettel it-Tajjeb u kemm dak li xxettel mill-ħażin. Agħraf u agħżel, imma tqaċċatx bl-addoċċ. Ħalli lill-Mulej ikun il-ħassad tiegħek f’ħinu u f’waqtu sabiex ma titlef xejn mit-tajjeb li bih irid iżejnek u li bih irid jitma’ lil oħrajn.



