Id-dawl tal-ħeġġa għal Alla u l-għaqda mistika miegħu
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-pitturi ta’ Michele Bellanti fil-Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina
Ħa jiġi jbusni bil-bewsiet ta’ fommu.
Imħabbtek hija oħla mill-inbid;
fwiħatek fihom għaxqa għar-riħa tagħhom,
ismek żejt li jitferragħ,
għalhekk iħobbuk, lilek, ix-xebbiet.
Iġbidni wrajk, ejja niġru!
Għanja tal-Għanjiet 1, 2-4
Hekk kif taqbeż il-misraħ ewlieni tal-Belt is-Siekta, iddominat mill-Katidral Metropolitan ta’ Malta, u tibqa’ miexi għal fuq is-sur fejn tista’ titpaxxa b’waħda mill-isbaħ veduti panoramiċi ta’ Malta, dlonk tilmaħ niċċa u statwa majestuża tal-Madonna bil-Bambin. Żewġ passi minnha ssib miftuħ il-ġurnata kollha l-bieb tal-Knisja ddedikata lil-Lunzjata, annessa mal-Kunvent tal-Karmelitani.
Xħin tidħol mill-ewwel tinħakem mill-kuntrast bejn il-knisja f’forma ovali u pjuttost mudlama u l-koppla tal-istess forma imma mdawla tajjeb b’mod naturali b’pittura tal-Madonna tal-Karmnu mdawra mill-anġli. Il-kor ta’ dil-knisja hu wkoll imdawwal tajjeb, hekk kif tistħajjel dawl is-sema nieżel fuq ix-xena tat-tħabbira tal-Anġlu Gabrijel lil Marija, it-titular ta’ din il-knisja.
Iżda jekk tpoġġi ftit bilqiegħda u tħalli lil għajnejk joqogħdu, tinduna li fuq l-altari laterali hemm ukoll żewġ pitturi mill-isbaħ, intimament marbutin mal-Ispiritwalità Karmelitana. Dawn iż-żewġ pitturi, xogħol l-artist Michele Bellanti (1807-1883), li jirrappreżentaw l-għotja tal-Labtu lil San Xmun Stock u Elija fuq karru mtella’ fir-riefnu. Nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ xbihat jiġbru fihom l-essenza ta’ din l-ispiritwalità li nibtet fl-Art Imqaddsa, proprju fuq l-għolja tal-Karmel: l-ispirtu ta’ Elija u l-ispirtu Marjan, jiġifieri l-ħeġġa għal Alla u l-għaqda mistika miegħu.
Hekk kif se nibdew ix-xahar ta’ Lulju mmarkat mill-festa tal-Madonna tal-Karmnu proprju f’nofs ix-xahar—u l-ħafna festi titulari, sekondarji u devozzjonali marbutin ma’ dan it-titlu—se nieqfu ftit fuq dawn iż-żewġ opri ta’ arti li, bħal donnhom imsiebaħ inemnmu fid-dlam tal-wied tad-dmugħ tal-kundizzjoni umana, idawlu l-passi tagħna lejn is-sema. U, għaliex le, forsi wkoll taqbeż qabża sal-Imdina u tagħti titwila u, bilqiegħda fis-skiet, tħalli dan id-dawl tal-ħeġġa għal Alla u l-għaqda mistika miegħu jitkebbsu wkoll f’qalbek.