“Il-bieb tan-nagħaġ huwa Jien”
It-Tielet Riflessjoni dwar il-Pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara
“Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa.”
Ġwanni 10, 7-9
Fl-ewwel żewġ riflessjonijiet dwar dan il-kapulavur tal-Calì rriflettejna dwar il-kuntest storiku u l-figura ċentrali ta’ Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. F’din it-tielet riflessjoni se nħarsu ftit lejn elementi oħra li jagħmlu parti mill-kompożizzjoni tal-opra sħiħa.
Ġesù jidher wieqaf fuq art imbattma u mdawra b’ċint ta’ tliet filati li jagħti l-impressjoni li huwa parti minn struttura ikbar lil hinn mill-konfini tat-tila, possibbilment xi forma ta’ maqjel. Dan iċ-ċint hu interrott fuq in-naħa tax-xellug minn tarġiet li jagħtu ’l barra għall-mogħdija li tifrex ħarsitna fuq l-isfond rurali tipiku ta’ Calì. Dawn it-tarġiet jagħtuna l-impressjoni li huma l-bieb tal-maqjel. F’kapitlu għaxra tal-Evanġelju skont San Ġwann Ġesù jqabbel lilu nnifsu mal-bieb tan-nagħaġ. F’dak iż-żmien, billejl ir-rgħajja kienu jiġbru l-imrieħel f’għalqa mdawra b’ħajt tas-sejjieħ, u wieħed minnhom kien jibqa’ għassa magħhom mimdud jew bilqiegħda fil-bieb. Dan huwa l-Evanġelju li se nisimgħu jinqara fil-liturġija tar-Raba’ Ħadd tal-Għid tas-Sena A, li huwa wkoll il-jum iddedikat lit-talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali, li permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri jiġu msieħba b’mod speċjali fis-saċerdozju wieħed ta’ Kristu.
Nistiednek biex, quddiem din ix-xbieha ta’ Kristu, trodd ħajr tas-saċerdoti u ta’ dawk kollha li għandhom sehem fit-tmexxija tal-komunità li għaliha tappartjeni. U itlob ukoll sabiex il-Mulej ikompli jsejjaħ qlub ġenerużi li jkunu disponibbli għas-sejħat tal-Mulej.