Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ Ġesù flimkien mal-Appostli
Imma jien lil Alla nsejjaħ,
u l-Mulej isalvani.
Filgħaxija, filgħodu u f’nofsinhar
nokrob u nitniehed;
u hu jisma’ l-leħen tiegħi.
Jeħlisli ’l ħajti fis-sliem
mill-ġlied li qajmu kontrija,
għax ħafna huma li ħabtu għalija.
(Salm 55, 17-19)
F’din il-lunetta, li tpittret direttament fuq il-ġebel minn Giuseppe Calì fl-1902, tiddomina x-xena l-figura ta’ Ġesù, l-imgħallem imdawwar bid-dixxipli tiegħu. Ġesù hu liebes il-kuluri tipiċi—aħmar u ikħal—simboli tal-umanità u d-divinità tiegħu—il-qalba tal-aħbar it-tajba li jeħtieġ li titwassal lill-bnedmin sabiex hekk taslilhom is-salvazzjoni.
Meta nhar id-9 ta’ April 1942 ir-Rotunda sefgħet milquta waqt attakk mill-ajru, il-bomba li nifdet il-koppla laqtet il-wiċċ ta’ Kristu f’din ix-xbieha qabel waqgħet mal-art. B’xorti tajba, din il-bomba ma ħaditx. Minkejja li jipprova jattakaha u jimminaha, id-dnub ma jista’ qatt iħassar ix-xbieha ta’ Kristu fina. Għaldaqstant, negħrqu kemm negħrqu ’l isfel, xorta jifdal il-possibbiltà li l-grazzja teħlisha mill-qerda. Imma jeħtieġ li nilqgħuha l-grazzja u nħalluha taħdem fina għax dejjem hemm ir-riskju li, minkejja li mingħalina nkunu ħlisna u fiż-żgur, nistgħu nsibu ruħna xorta waħda qed nitilfu kollox.
Fil-ħarsa fissa ta’ għajnejn Ġesù dritta ’l quddiem, bħal donnha lejna, stqarr ma’ San Pawl: “Bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sefgħetx fix-xejn” (1 Kor 15, 10). Fl-istess waqt, agħmel l-għażla li twarrab il-ħażin u tħalli iktar wisa’ għall-grazzja tiegħu biex taħdem.