Il-Kewkba … gwida kollha tama

It-Tielet Riflessjoni dwar il-kwadru tal-Adorazzjoni tal-Maġi, Knisja Parrokkjali tan-Naxxar

U ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Mattew 2, 9-12

Bla dubju, wieħed mis-simboli l-iktar importanti marbutin mal-ġrajja tal-Epifanija huwa dak tal-kewkba. F’dan il-kwadru, Stefano Erardi jurina din il-kewkba tiddi b’dija tal-għaġeb li tofroq is-sħab … forsi s-sħab li ħeba l-kewkba għal ftit meta marru għand Erodi biex ifittxu lis-Sultan tal-Lhud f’Ġerusalemm flok fejn tassew kien.

Hemm diversi teoriji ta’ x’setgħet kienet. Jidher li hemm attestazzjonijiet ta’ fenomeni astronomiċi rreġistrati minn popli differenti fis-snin qrib it-twelid ta’ Ġesù. Iżda x’kien li rabat flimkien dan il-fenomenu mal-konklużjoni tal-għorrief li twieled sultan f’Iżrael? Fil-Ktieb tan-Numri, Balgħam, bin Begħor, saħħar li jintbagħat biex jisħet lil ulied Iżrael u minflok jispiċċa jberikhom, iħabbar hekk: “Qiegħed naraha, imma mhux għalissa; inħares lejha, imma mhux fil-qrib. Għad titla’ kewkba minn Ġakobb … u jqum xettru minn Iżrael” (Num 24, 17). Il-Karmelitan Ġwanni ta’ Hildesheim fl-Historia Trium Regum (ċ. 1370) jikteb li l-maġi kienu jafu b’din il-profezija u għalhekk mill-ewwel qabdu triqthom lejn l-art ta’ Iżrael.

Kif jalludi Benedittu XVI fit-triloġija tiegħu Ġesù ta’ Nazaret, jista’ jkun li din il-profezija antika ma kinitx esklussiva għall-Iżraelin imma kienet tiċċirkola fost il-popli tal-Lvant. Nafu fiż-żgur li dan il-karattru ma kienx biss figura biblika. Fl-1967, f’Deir Alla, il-Ġordan, instabet skrizzjoni li titkellem dwar viżjonarju tal-allat bl-istess isem ta’ Balgħam, bin Begħor.

Meta jikkummenta dwar il-kewkba li raw il-maġi u mxew warajha, San Girgor Nazjanzenu b’mod poetiku jgħid li, hekk kif il-Maġi qiemu lil Ġesù, l-astroloġija ġiet fi tmiemha, hekk kif minn dak il-ħin ’il quddiem il-kwiekeb bdew iduru fuq l-orbita ddeterminata minn Kristu (ara Poema Dogmatica V, 55-64, PG 37.428-9). Il-Ħallieq li sar ħlejqa xorta waħda dderiġi l-kewkba biex hekk iwassal il-ġnus għall-għarfien tiegħu.

Fil-providenza tiegħu, fis-smewwiet mudlama tal-ħajja tagħna, il-Mulej ipoġġi kwiekeb li bid-dawl ċkejken imma ċar tagħhom jgħinuna nagħrfuh bit-tama li nħalluh kuljum ftit iktar ikun is-Sid ta’ ħajjitna. Tagħraf min huma? Qed tħalli d-dawl tiegħu jilħqek permezz tagħhom? Af li l-Mulej qatt mhu se jħallik waħdek fit-triq, imma faċli ma tagħtix każ tas-sinjali li jiggwidaw il-pellegrinaġġ tal-eżistenza tiegħek.