Il-Knisja fil-Qalb minfuda
Il-Ħames Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Paola
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Ġwanni 19, 25-27
Jekk nerġgħu lura lejn il-figuri li Lazzaro Pisani inkluda fil-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù għall-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Raħal Ġdid, f’bilanċ mad-dixxiplu l-maħbub nilmħu lil Marija ta’ Magdala, u mbagħad weqfin fuq naħa u fuq oħra naraw ukoll lil Omm Ġesù u lil Pietru.
Il-qagħda ta’ Marija ta’ Magdala ma tirriflettix l-ikonografija tipika tal-kruċifissjoni, fejn narawha tibki ddisprata taħt is-Salib. Fil-kuntest tal-pittura, din l-interpretazzjoni ma tagħmilx sens għax, jekk ikollna nħarsu sew, nindunaw li l-qagħda tagħha iktar tirrifletti l-ġest ta’ Marija ta’ Betanja, oħt Marta u Lazzru, li dilket riġlejn Ġesù bil-fwieħa u mbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha (Ġw 12, 3)—jekk mhux ukoll il-qagħda tal-midinba magħrufa li bkiet u xarrbet riġlejn Ġesù bi dmugħha u xxuttathomlu b’xuxitha bħala sinjal ta’ ndiema (Lq 7, 38). Nafu li bi tradizzjoni antika fil-Knisja, dawn il-persuni differenti twaħħdu f’persunaġġ wieħed, ukoll jekk l-istudjużi tal-Kotba Mqaddsa jinsistu li din hija interpretazzjoni żbaljata.
Id-dixxiplu l-maħbub, l-Omm u Marija ta’ Magdala, it-tlieta kienu taħt is-Salib tal-Mulej xħin qalbu ġiet minfuda b’lanza (ara Ġw 19, 25. 34). Mill-banda l-oħra, Pietru ma jasalx sal-quċċata tal-Golgota għax jiċħad lill-Mulej fil-bitħa tal-palazz tal-qassis il-kbir proprju waqt li l-Imgħallem tiegħu kien qiegħed jistqarr li hu l-Iben ta’ Alla quddiem il-mexxejja tal-poplu.
B’xi mod, f’dawn il-figuri nistgħu nilmħu l-kategoriji li juża t-teologu Hans Urs von Balthasar, jiġifieri “l-Knisja tal-imħabba” u “l-Knisja uffiċjali” (“the Church of love” u “the official Church”). Tal-ewwel hija rrappreżentata primarjament mill-Omm u d-Dixxiplu, filwaqt li tat-tieni hija ppersonifikata f’Pietru, li għandu l-uffiċċju taċ-ċwievet tas-Saltna. Forsi tidher distinzjoni ftit artifiċjali, imma ma nistgħux niċħdu li l-Knisja hi magħmula minn element istituzzjonali u element iktar kariżmatiku. It-tnejn huma meħtieġa u l-ebda waħda ma tista’ tiġi mogħtija l-ġenb għad-detriment tal-oħra. B’xi mod dan hu rifless fl-għażla tad-dixxiplu l-maħbub li jistenna lil Pietru biex jidħol hu l-ewwel fil-qabar (ara Ġw 20, 1-10). Imma jkun dejjem id-dixxiplu l-maħbub li jemmen u jagħraf lill-Mulej l-ewwel (ara Ġw 21, 7).
Quddiem dawn l-erba’ figuri, faċli tidentifika ma’ waħda minnhom, skont l-istat tal-ħajja tiegħek u l-missjoni li għandek fi ħdan il-Knisja. Tgħid xi minn daqqiet taħseb li xogħlok hu iktar importanti mill-aspetti l-oħra li jiffurmaw il-ħajja tal-Knisja? F’dik il-Qalb minfuda hemm post għal kulħadd. Għalfejn m’għandux ikun hemm post għal kulħadd f’qalbek ukoll?