Il-Miżien u l-Ktajjen
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Kwadru ta’ San Leonardu, miżmum fil-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar
Tgħallmu għamlu t-tajjeb,
Isaija 1, 17-18
fittxu d-dritt,
sewwu l-inġustizzji,
iddefendu l-iltim,
aqbżu għall-armla.
Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien,
jgħid il-Mulej,
imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt,
isiru bojod bħas-silġ;
imqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi,
isiru bojod bħas-suf.
Huma tlieta l-istanzi f’dan il-kwadru li jittantaw iwieġbu d-domanda dwar il-ġustizzja u l-ħniena: l-ewwel, il-miżien ta’ San Mikiel mal-art; it-tieni, ix-xbieha ta’ San Anard iżomm il-ktajjen; it-tielet, it-tuffieħa f’id il-Bambin. It-tliet oġġetti b’mod jew ieħor jintrabtu mal-ġustizzja fis-sens wisa’ tal-kelma. Il-miżien li soltu San Mikiel jidher iżomm f’idu minħabba l-irwol tiegħu li jiżen dak li hu tajjeb u l-ħażin, hawnhekk narawh bil-miżien mal-art. San Mikiel ma ġralux bħal Nietzsche, il-filosofu ġgant Ġermaniż, li stqarr li m’hemmx aktar it-tajjeb u l-ħażin, iżda li ġralu huwa forsi li fehem bl-għajnejn tal-grazzja t-tajjeb u l-ħażin, ċioè li imqar jekk “dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ” (Is 1, 18) u li Alla ma jridx il-mewt tal-midneb iżda li jindem u jgħix (ara Eżek 18, 23).
Huwa l-kuntest li jagħtina ċ-ċavetta tal-għarfien. Maġenb San Mikiel naraw il-figura ta’ San Leonardu, magħruf sew għall-ħelsien tal-priġunieri, li kienu jinħelsu bl-interċessjoni tiegħu. San Leonardu, li l-Legenda Aurea tgħidilna li kien irrifjuta saħansitra l-episkopat u għażel li jgħix fil-kwiet tal-eremitaġġ, iżda kien talab lir-Re Klovidju biex jagħtih is-setgħa jeħles l-priġunieri. Naturalment, hawn irridu ngħidu li l-ewwel bijografija dwar il-qaddis inkitbet proprju madwar ħames sekli wara twelidu. Dan allura jagħtina x’ nifhmu li l-awturi setgħu żiedu fejn dehrilhom u ma tawniex l-istorja kollha. Iżda minn dawn it-truf leġġendarji nkomplu nisiltu li dawk il-priġunieri li kienu jitolbu l-ħelsien mill-ktajjen tagħhom, kienu jmorru f’pellegrinaġġ ta’ kuljum lejn l-abbazija, u dawk meħlusa kienu jibdlu ħajjithom u jgħixu ħajja tajba. Matul iż-żminijiet ukoll żdiedu mal-lista tad-devoti n-nisa tal-ħlas. L-ordnijiet xettlu f’bosta l-interċessjoni lejn il-qaddis, hekk li fil-Bavarja sal-lum jeżistu pellegrinaġġi li jsiru b’devozzjoni lejn dan il-qaddis.
Uħud iqarrsu wiċċhom jismgħu dwar il-jasar u l-iskjavitù, bħal donnu diskors ta’ żminijiet oħra. Iżda jekk nixħtu ħarsa madwarna nintebħu li f’kull kantuniera ta’ kull triq tilmħu dan b’mod jew ieħor, liebes bi lbies kontemporanju. Mill-abbandun tax-xjuħ tagħna fi djarhom, minn bosta tfal li jagħmlu sigħat ’il bogħod mill-familji tagħhom bl-iskuża tax-xogħol. Forsi m’għadx hemm swieq tal-iskjavi, iżda hemm swieq finanzjarji li jrendu diversi skjavi. Żid ma’ dan kollu reġim teknoloġiku ġdid li jonġor fl-imħuħ dipendenza sħiħa fuq it-teknoloġija, hekk li sa mill-ewwel snin tat-tfulija t-tfal saħanistra jingħataw b’libertà sħiħ dawn it-teknoloġija mingħajr ebda limiti. Ir-riskji kbar tal-iskjavitù moderni huma fid-dieher isbaħ iżda huma tista’ tgħid l-istess bħal dawk ta’ qabel, hekk li mill-ewwel nintebħu li l-iskjavitù mhix antika daqs kemm naħsbu.
Fejn tħossok maqbud f’jasar li forsi ma jidhirx? Fl-istess ħin, tħoss it-toqol tiegħek jagħfas fil-miżien tal-ħaqq? L-ilwien tal-grazzja jistgħu jħaffu l-miżien u jħollu l-ktajjen, mhux b’xi mertu tagħna imma proprju tas-sbuħija ta’ Alla li ssalva.
Ħajr lil Manuel Ciantar u Suzanne Ciantar Ferrito f’isem Amy Sciberras Conservators għar-ritratt.