Il-Qalb imdawra bil-Ward
Imbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx.
1 Pietru 5, 4
Il-Ħames Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, Burmarrad
Kemm kliem, kemm ħsus jifullaw qalbna, kemm krib, tamiet u mħabbiet jitqanqlu hekk kif nitfgħu il-ħarsa tagħna fuq xbieha tal-Qalb ta’ Marija. Is-safa tagħha hu mfisser mill-artist bil-kuruna ta’ ward ċkejken li jdawwarha. Il-ħeġġa u l-imħabba tagħha hu mfisser bin-nar li ħiereġ bħal fjamma minnha—simbolu li jfakkarna fl-ilsna tan-nar li dehru fuq Marija u d-dixxipli nhar Għid il-Ħamsin (Atti 2, 3).
Għall-kuntrarju, qlubna huma kollhom tbajja’, miġrugħa, muġugħa, xi minn daqqiet ferħana u kollhom tama, xi minn daqqiet maqtugħa u kollhom biża. Imma hekk kif wasalna fl-aħħar riflessjoni dwar dan il-kapulavur ta’ Emvin Cremona—ġimgħat li matulhom aħna ħarisna lejn Marija u ħallejnieha tħares lejna u tkellimna—f’qalbna ma jistax ikun li ma tiġġeddidx ix-xewqa li qalbna wkoll tkun safja u nadifa. Forsi diffiċli li qalbna tkun imdawra għal kollox mill-ward tas-safa minħabba d-dgħufija tagħna. Imma għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir, u, bħal San Massimiljanu Marija Kolbe, mal-kuruna bajda nistgħu nagħżlu l-kuruna l-ħamra li flimkien isaffuna u jqaddsuna b’modi li aħna stess lanqas nistgħu noħolmuhom.
Għaldaqstant, itlob lil Marija tbattal lil qalbek minn kull rabta ħażina ħalli ddawwarha bil-ward tas-safa li ma jorbotniex ma’ nies, oġġetti, postijiet, bil-kilba ta’ min jaħtaf u jaħkem, imma bir-rabta skont ir-rieda tal-Qalb Ħanina ta’ Binha. Itlobha tbattal lil qalbek biex tkun bħal tagħha: il-kamra ta’ ġewwa mħejjija u lesta għall-miġja tal-Għarus li la nafu l-waqt tagħha u lanqas is-siegħa, imma se tasal żgur, u tasal ta’ kuljum ukoll fil-qlub ta’ ħutna. Ħalli lil qalbek titkebbes bl-istess fjamma ta’ mħabba għal Kristu li biha kienet imkebbsa Qalbha sabiex, bħalma fuq l-art tfittex il-kenn f’dik Qalbha bis-sejf minfuda, hekk ukoll magħha, mal-Anġli u l-ġemgħa glorjuża tal-qaddisin, għad tasal inti wkoll fil-hena tal-ġenna tal-Qalb Imqaddsa ta’ Binha.