In-nar li jikxfu x’jiswa x-xogħol ta’ kull wieħed
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, Burmarrad
Pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu. Jibni x’jibni dak li jkun fuq dan il-pedament—deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben—ix-xogħol ta’ kulħadd għad jidher; il-Jum għad jurih u n-nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-xogħol ta’ kull wieħed.
1 Korintin 3, 11-13
Għarkupptejh, quddiem San Franġisk missieru, u f’riġlejn Marija Immakulata Ommu, naraw lil San Massimiljanu Marija Kolbe—li sa meta tlesta dan il-kwadru fl-1961 kien għadu ma ġiex iddikjarat qaddis. San Massimiljanu, il-Kavallier tal-Immakulata li mill-Polonja terraq fil-Lvant Imbiegħed u wasal sal-Ġappun biex ixerred id-devozzjoni lejn Marija. San Massimiljanu li bla heda ħeġġeġ kemm felaħ il-konsagrazzjoni lill-Qalb Immakulata ta’ Marija u t-tiġdid tagħha ta’ kull sena sabiex hekk inħallu lilna nfusna niġu magħġuna mill-forma tal-Qalb Safja tal-Omm biex hekk insiru tassew Insara, dixxipli tan-Nazzarenu bħalma kienet Marija li kienet Ommu doppjament, sew fl-ordni tan-natura u sew bħala dik li dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda ta’ Alla (ara Lq 8, 21). Kif insibu fil-Kostituzzjoni Dommatika tal-Konċilju Vatikan II, Lumen Gentium:
Waqt li l-Knisja diġà laħqet fil-Verġni Mbierka l-perfezzjoni li biha hija bla tebgħa u bla tikmixa (ara Ef 5, 27), il-fidili għadhom jitħabtu biex jirbħu d-dnub u jikbru fil-qdusija; u għal dan l-iskop huma jgħollu għajnejhom lejn Marija li tiddi bħala mudell ta’ virtù għall-komunità kollha tal-magħżulin.
Lumen Gentium, par. 65
U x’mod aqwa hemm mill-martirju biex dan iseħħ? Dak li kien imexxi l-Milizzja ta’ Marija Immakulata li kienet tiġġieled il-ħażen bit-talb u l-evanġelizzazzjoni, issa sab ruħu priġunier f’Auschwitz, bin-numru 16670 flok isem. Forsi l-martirju għalina huwa ħsieb imbiegħed, imma n-nasba li n-nies isiru biss numri, perċentwali, statistiċi, rota oħra fil-makkinarju ekonomiku, hija waħda reali. Dan ma jgħoddx biss għal min għandi xi setgħa fis-soċjetà imma għalina lkoll li niffurmaw din l-istess soċjetà li, bla ma nindunaw, tinfluwenza l-mod ta’ ħsieb tagħna u, minkejja li ndaħħlu d-dinja kollha fid-dar tagħna permezz tat-televixin, l-internet, il-midja soċjali, xorta waħda qajla jimpurtana minn min qiegħed imut bil-ġuħ u sfruttat ’il barra minn biebna.
Komdu tikkummenta minn wara skrin u ttektek bla ma tħammeġ subgħajk. Imma dan il-ħabs tal-kumdità tagħna jżommna milli niltaqgħu mal-bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna u mmissu mal-ġrieħi tagħhom, ngħixu magħhom, naqbduhom, bħall-qaddis Pollakk li l-ebda tortura ma żammitu milli jaqdi dmiru ta’ qassis anke f’dak l-infern fuq l-art. Għalih dak il-post kien għalqa oħra li kien jeħtieġ tinħadem biex fiha tinżera’ l-Kelma u tinbet is-salvazzjoni, ukoll jekk kellu jibqa’ jissahra sal-aħħar mad-dlam u l-kultura ta’ mewt sakemm ġie maqtul fl-14 ta’ Awwissu 1941 u ġismu maħruq, donnu sagrifiċċju jogħġob lil Alla l-għada, nhar l-Għid tal-Assunta.
B’metafora għall-ġudizzju, lill-Korintin San Pawl jiktbilhom li in-nar għad jikxef u jipprova x’jiswa x-xogħol ta’ kull wieħed (1 Kor 3, 13). In-nar għal San Massimiljanu kixef il-qalb tad-deheb li kellu u l-ħeġġa għas-Saltna ta’ Alla. Kieku kellu jasal illum jum il-ġudizzju tiegħi, x’se jikxef il-forn tan-nar tal-ħniena u l-ġustizzja ta’ Alla? X’se jibqa’ wara li jkun inħaraq it-tiben u l-ħuxlief kollu?