In-Narrattiva Tridimensjonali tal-Grazzja

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Kwadru Titulari Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

Imma int tgħammar fis-santwarju,
u lilek ifaħħar Iżrael!
Fik ittamaw missirijietna,
fik ittamaw, u inti ħlisthom.
Lejk għajtu, u inti ħlisthom;
fik ittamaw u ma tfixklux.

Salm 22, 4-6

F’dijanjosi “li tifred minn xulxin il-ġogi u l-mudullun,” id-drammaturgu Shakespeare jgħidilna li “l-miżerabli m’ għandhomx mediċina oħra għajr it-tama.” Tistħajjel li din id-dijanjosi hi simili għall-pittura tal-ġgant pittoriku ta’ Leiden, Rembrandt, meta dan iġibilna quddiem għajnejna t-Tabib Nicolaes Tulp jgħallem tobba oħra sħabu s-sengħa tal-fejqan permezz ta’ kadavru tal-ħalliel Aris Kindt li kien għadu kemm ġie mogħti l-mewt bħala kundanna. Issumati bħal dawk li kienu qed jisimgħu lit-Tabib Tulp b’sebgħu juri l-għadma ta’ id il-mejjet miftuħa beraħ, ħarsitna sejrin nixħtuha fuq il-kwadri titulari u mirakoluż tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, magħżul mill-isqfijiet ta’ Malta bħala Knisja Ġubilari għax, proprju minħabba din id-devozzjoni, fih tidher it-tama b’qawwa speċjali. Dan il-kwadru, impitter fl-1715 mill-pittur Malti Alessio Erardi, ġie inkurunat b’kuruni tad-deheb fit-2 ta’ Settembru 1951 u ddekorat bi tnax il-kewkba tad-deheb ħamsin sena wara—xhieda tal-għożża u r-radd il-ħajr għall-faraġ miksub minn dan l-imkien qaddis. Bkew u talbu quddiemu bosta, oħrajn nieqsa mill-emozzjoni siktu quddiemu u fis-skiet tagħhom sabu l-mistrieħ, hekk li f’din is-Sena Mqaddsa bħala pellegrini nistgħu nqisuh għalina wkoll bħala skola tat-tama.

Jekk nagħtu ħarsa ġenerali, nindunaw li l-kwadru donnu jqiegħed ikellem lilna. Il-komunikazzjoni tridimensjonali li sseħħ fih hija tal-għaġeb hekk kif id-diversi figuri jesprimu t-tama tagħhom lilna, jekk inħalluhom ikellmuna. Fil-kwadru tispikka ċ-ċentralità tal-laqgħa bejn il-bniedem u Alla, u allura l-grazzja tat-tama. Dan narawh fl-iskjav li jitressaq quddiem it-tron regali ta’ Marija Santissima mill-anġlu. Narawh ukoll fl-anġlu li mis-sema jtella’ r-ruħ tal-purgatorju quddiem it-tron tagħha. Fatt kurjuż ieħor huwa d-dehra tax-xwieni tal-Ordni ta’ San Ġwann li narawhom fl-isfond tal-kwadru. U, f’din in-narrattiva tridimensjonali, San Bernard ta’ Clairvaux jipponta lejn il-Virgo Lactans filwaqt li jħares lejna donnu biex jippreżentalna l-verità tar-redenzjoni, tal-grazzja u tat-tama, proprju billi jipponta lejn Marija li tagħtina lil Ġesù b’idejh miftuħa beraħ. L-idejn miftuħa taċ-ċkejken Ġesù jfakkruna fis-sagrifiċċju tas-salib, ta’ dak li twieled biex imut għalina.

Għaldaqstant, aħna u nersqu lejn iċ-ċelebrazzjoni annwali tal-misteru tal-fidwa, nistiednek toqgħod tħares lejn dan il-kwadru fis-skiet, filwaqt li tħalli lilek innifsek tiddaħħal f’din in-narrattiva li troddilna t-tama.