Inħarsu lejn il-Misteru waqt li jixħet ħarstu fuqna
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-kwadru tat-Trinità Qaddisa fil-Knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu
Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu, il dawk li Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta’ dan il-misteru fost il-pagani, li hu Kristu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom.
Kolossin 1, 24-27
Hekk kif matul dan ix-xahar ta’ Settembru, fost l-oħrajn, niċċelebraw il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, f’dawn il-ftit ġimgħat se nserrħu l-ħarsa tagħna fuq kwadru li nsibu fil-Knisja Kolleġġjata u Arċipretali tal-Belt Vittoriosa. Kwadru li forsi ma jingħatax l-importanza li jistħoqqlu imma li fil-verità huwa mimli b’simboli qawwija. Qiegħed nirreferi għall-kwadru fuq l-altar ddedikat lit-Trinità Qaddisa, fil-kappellun tal-Karità eżatt ħdejn il-bieb tas-sagristija.
Fil-Birgu kien hemm devozzjoni b’saħħitha u kostanti lejn it-Trinità. Saħansitra kien hemm kappella Biżantina ddedikata lit-Trinità u kienet taqdi lil komunità ta’ merkanti Griegi u Biżantini f’din il-belt portwali. Oriġinarjament, din il-kappella kienet iddedikata lill-Madonna ta’ Monserrat u ġġarrfet waqt il-gwerra fl-1942. Fis-snin sittin inbniet mill-ġdid, u reċentement ġiet mgħoddija lill-Parroċċa Griega-Kattolika ta’ Malta.
Il-kwadru tat-Trinità li nsibu fil-knisja parrokkjali huwa xogħol tas-seklu 17 minn artist mhux magħruf. F’dawn l-aħħar snin ġie attribwit lil Fra Lucas Garnier, membru tal-Ordni ta’ San Ġwann u artist li lilu huma wkoll attribwiti diversi xogħlijiet madwar Malta, fpsthom il-kwadru titulari tal-altar ta’ San Sebastjan fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u t-titulari tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba, Birkirkara. Imma jidher li m’hemmx kunsens dwar dan.
U, ngħiduha kif inhi, x’tistenna aħjar minn pittura li tirrappreżenta t-Trinità, rappreżentazzjoni tal-misteru ta’ min hu Alla fih innifsu, li ġie rrivelat lilna minn Ġesù Kristu, l-inkarnazzjoni tat-Tieni Persuna tat-Trinità! Jibqa’ jissejjaħ misteru għax, minkejja li ma baqax moħbi imma ġie muri lilna, xorta waħda huwa ta’ kobor hekk bla qies li moħħ il-bniedem ma jista’ qatt jasal li jifhmu. Nistgħu biss noqogħdu fil-preżenza ta’ dan il-misteru, inħarsu lejh, nikkontemplawh waqt li nħalluh jixħet ħarstu fuqna, idawwalna u jħobbna.