Il-Martirju
Ir-Raba’ Riflessjoni fuq il-Pittura tal-Laqgħa ta’ San Pietru u San Pawl
Qawwina, Mulej Alla tagħna, bit-talb tal-Appostli San Pietru u San Pawl, u agħti lill-Knisja tiegħek għajnuna għas-salvazzjoni ta’ dejjem permezz ta’ dawk li bihom għallimtha taqdi d-dmirijiet qaddisa tagħha lejk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen
Kolletta tal-Quddiesa tal-Vġili tas-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl
Din il-lunetta li nsibu f’waħda mill-kappelli tal-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt Valletta turina lil Pietru u lil Pawlu rraffigurati bħala żewġ irġiel li għexu ħajjithom u li l-martirju ser jinkuruna ħajja mogħtija għax-xhieda tal-isem ta’ Ġesù.
Il-fermezza tagħhom fil-mument tax-xhieda tidher fil-kuntrast li hemm fuq il-palk ta’ din it-tila bejn il-karattri ewlenin li donnhom qegħdin fi freeze, sodi, ċerti mill-fidi tagħhom, u l-bqija tal-personaġġi li qegħdin f’moviment (dak li hu tranżitorju f’oppożizzjoni ma’ dak li hu etern) sabiex jiġbduhom—lil wieħed naħa u lil ieħor oħra—għall-ispettaklu aħħari bl-għan li jkasbruhom. Imma din ix-xhieda sal-aħħar għall-Imgħallem imsallab, “skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Kor 1, 23), tkompli ssawwar il-binja tal-Knisja msejsa fuq il-ġebla tax-xewka li hi Kristu (Ef 2, 20). Kif jikteb Tertuljanu: “Iktar noktru kull meta niġu maħsudin minnkom; id-demm tal-Insara hu żerriegħa” (Apologeticum 50, 13).
Mhux ta’ b’xejn li, bħalma Ruma pagana (li r-rovini tagħha jidhru fl-isfond) kienet tiċċelebra festa flimkien lill-aħwa fundaturi Romolo u Remo, hekk ukoll il-Knisja sa minn sekli bikrin bdiet tiċċelebra festa waħda flimkien lil dawn iż-żewġ Appostli biex tfakkar il-martirju tagħhom. U dan għaliex, permezz ta’ dawn iż-żewġ aħwa fi Kristu li twieldu fl-istess jum għall-ħajja ta’ dejjem, il-belt ta’ Ruma twaqqfet mill-ġdid fuq ix-xhieda mdemmija tagħhom.
Quddiem din ix-xhieda tagħhom u x-xhieda li jiena wkoll imsejjaħ nagħti, nagħmel tiegħi l-istedina tal-awtur tal-Ittra lil-Lhud:
Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla. Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. (Lhud 12, 1-3)