Ir-Raġel Xiħ fl-Għomor
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar is-Soprakwadru tat-Trinità Qaddisa fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Valletta
Mosè qal lill-Mulej: “Ħallini, nitolbok, nara l-glorja tiegħek.” U l-Mulej wieġbu: “Jiena ngħaddi tjubiti kollha minn quddiemek, u ngħajjat l-isem tiegħi ‘Jaħweh’ quddiemek. Jiena nħenn għal min irrid inħenn, u nitħassar lil min irrid nitħassar.” U żied jgħidlu: “Imma int ma tistax tara ’l wiċċi, għax ebda bniedem ma jarani u jibqa’ ħaj.” U l-Mulej qal lil Mosè: “Ara, hawn post ħdejja, fejn tista’ toqgħod fuq il-blata. U hija u għaddejja l-glorja tiegħi, inqiegħdek f’xaqq il-blata, u ngħattik b’idi sakemm ngħaddi. Imbagħad inneħħi idi, u tara dahri, għax wiċċi ma jarah ħadd.”
Eżodu 33, 18-23
Wara li fl-aħħar riflessjoni ċċarajna r-raġuni għalfejn u kif hu possibbli tirrappreżenta t-Trinità Qaddisa, illum, permezz ta’ din x-xbieha minn id l-artist Mattia Preti, se niffukaw fuq kif il-Missier hu rraffigurat kemm f’din l-opra ta’ arti u kif ukoll f’xogħlijiet artistiċi oħra in ġenerali. Kif ifisser tant tajjeb il-Papa Benedittu XIV fl-Ittra Sollicitudini Nostrae tas-sena 1745 (par. 36), huwa possibbli li npinġu lill-Missier Etern, anke waħdu, distint mill-persuni l-oħra, għax Adam u Eva “semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum” (Ġen 3, 8); Ġakobb f’ħolma jilmaħ lil Alla wieqaf ħdejh fid-dehra tas-sellum li jagħti għas-sema u l-anġli telgħin u niżlin miegħu (Ġen 28, 13); Alla wera ruħu lil Mose meta jaħbih f’xaqq bejn il-blat u jgħattih imma, meta jgħaddi minn quddiemu, ineħħi idu u jħallih jara daru (Eż 33, 23); u Isaija wkoll jilmaħ lil Alla bil-qiegħda ’l fuq fuq tron fis-sema waqt dehra li jkollu fit-tempju (Is 6, 1).
F’dan il-kwadru żgħir ta’ Preti, il-Missier hu muri bis-simboli tipiċi, jiġifieri ta’ raġel xiħ bid-daqna bajda, xagħru nieqes minn quddiem, u liebes kappa li bħal donnha sservi ta’ mant fuq Kristu. Dan huwa l-mod kif il-Missier jista’ jiġi rrappreżentat fl-arti għax din hija l-unika deskrizzjoni li tagħtina l-iskrittura, kif insibu fil-Ktieb ta’ Danjel:
Kont għadni qiegħed inħares,
meta tqiegħdu xi tronijiet,
u wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda;
ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf;
ilsna tan-nar it-tron tiegħu,
nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu;
xmara ta’ nar kienet għaddejja,
ħierġa minn quddiemu;
eluf ta’ eluf kienu jaqduh,
u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf wieqfa quddiemu.
Danjel 7, 9-10
Għalkemm ix-xjuħija b’mod fiżiku tista’ tfisser dgħufija, hawnhekk dan is-simbolu jintuża biex jenfasizza b’mod grafiku l-eternità ta’ Alla u kif ukoll l-għerf tiegħu. U forsi mhux idea ħażina li nikkunslaw li Alla għandu iktar ix-xeħta ‘tan-nannu xwejjaħ’ li jifraħ u jitpaxxa bin-neputijiet tiegħu!
Aħna u nikkontemplaw il-misteru tat-Trinità Qaddis b’dak li Alla nnifsu nebbaħ fl-artisti u tahom il-ħila jwasslulna, fl-istess waqt jeħtieġ li ma nippruvawx infissru għal kollox dan il-misteru hekk sabiħ u tal-biża’—tremendum et fascinans—imma nħallu s-seħer ta’ dak li jisboq il-fehma tagħna jaħtafna u jpoġġina fil-qalba ta’ din iż-żifna eterna tal-persuni tat-Trinità li minnha ġejja kull ħajja u lejha miexja lura.