Ir-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna

It-Tielet Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Trijonf tal-Fidi Kattolika, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla?

1 Ġwanni 5, 2-5

Bejn il-figura allegorika tal-Fidi bil-kalċi Ewkaristiku f’idha u l-anġlu li qed iġorr is-salib, fuq il-karru mdieheb insibu wkoll globu tad-dinja. Dan il-motiv ifakkarna fl-universalità (il-kattoliċità) tal-fidi li, sa mill-bidu tagħha, wara tlugħ il-Mulej fis-sema, xterdet bħal nar iħeġġeġ mad-dinja magħrufa f’dak iż-żmien f’temp ta’ ftit snin jew deċenji. Imma din mhijiex sempliċiment rebħa fuq id-dinja mifhuma bħala l-antitesi tas-Saltna ta’ Alla, imma hija wkoll rebħa, gwadann, li tagħmel id-dinja (is-soċjetà) permezz tal-fidi tagħna. Il-fidi mhijiex privazzjoni imma hi xi ħaġa miżjuda li tiftaħ lil hinn il-perspettivi limitati tagħna.

Dan il-konflitt u qligħ fl-istess ħin ifakkarna li d-distinzjoni ta’ Santu Wistin bejn il-Belt ta’ Alla u l-belt tad-dinja maħkuma mill-ħażin hija reali, u faċli niżolqu minn waħda għal oħra mingħajr ma biss nindunaw hekk li, flok belt fuq muntanja u dawl tad-dinja, aħna wkoll insibu ruħna nippreferu nibqgħu fid-dlam għax mhux lesti li ninfatmu minn dak li jagħmilna inqas bnedmin.

Barra minn hekk, kif tispjega l-Kostituzzjoni Pastorali tal-Konċilju Vatikan II fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum Gaudium Et Spes f’paragrafu 4, il-bniedem fid-dinja tal-lum huwa mmarkat minn tamiet pożittivistiċi u ansjetajiet ikkawżati minn instabbiltà kontinwa. Għaldaqstant, forsi iktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-globu tad-dinja tagħna jibqa’ mkennen taħt id-dell tal-fidi għax hu bil-fidi li nibqgħu nittamaw kontra kull tama, u bil-fidi naslu biex negħlbu l-biżgħat u noħorġu mill-ġdid fid-dawl.

X’se tagħżel? Se tħalli d-dinja tirbħek, jew se tagħżel li ma’ Kristu tkompli tirbaħ id-dinja? Id-dinja tiegħek tinsab fuq il-karru tal-Fidi, jew ta’ spiss taqbad lilek innifsek tifridhom minn xulxin bir-riskju li mbagħad tispiċċa bħal wieħed mill-iskjavi li jikkaratterizzaw in-naħa tax-xellug tal-arazz? Li tagħżel li ma tagħżilx mhijiex għażla Nisranija.