Is-Serp tal-qedem

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara

“Jien inqajjem mibegħda

bejnek u bejn il-mara,

bejn nislek u nisilha,

u hu jagħmel għal rasek

u int tagħmel għal għarqubu.”

Ġenesi 3, 15

L-aħħar riflessjoni li se nisiltu mill-pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb meqjuma fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara hija dwar is-serp li jidher dieħel minn spazju bejn il-knatan taċ-ċint. Din il-fetħa ċkejkna turi li dik in-naħa tal-istruttura qiegħda iktar fil-baxx minn fejn hemm it-tarġiet li jagħtu għall-mogħdija.

Għalkemm, meta tqabbel id-diversi kulturi tinduna li s-serp għandu tifsiriet differenti, fil-kultura Ġudeo-Kristjana s-serp huwa simbolu tal-ħażin ippersonifikat, b’mod partikolari fl-isfond tar-rakkont tal-ħolqien u l-waqgħa tal-bniedem għat-tentazzjoni tas-serp. Anke fil-Ktieb tal-Apokalissi jissemma s-Serp tal-qedem li hu titlu ieħor għax-xitan.

Fil-pitturi tiegħu, Calì kien idaħħal diversi drabi s-serp. Dan insibuh ukoll f’opri ta’ arti oħra tal-istess epoka, b’mod partikolari bħala referenza għall-kriżi tal-moderniżmu li kienet sfida kbira li kellha tiffaċċja l-Knisja f’dak iż-żmien biex minn banda ma tibqax imwaħħla imma tilqa’ ċerti żviluppi fit-teoloġija u l-istudji bibliċi, u mill-banda l-oħra ma tinġarrx ma’ kull kurrent.

Imma s-sriep ta’ Calì kienu jkunu pjuttost irqaq u ċkejknin, forsi biex ifakkar kemm il-ħażin spiss ikun sottili u jidħol fin fin imma kapaċi jivvelena l-ġisem kollu, u tinduna bih meta jkun tard wisq. F’din il-pittura partikolari, is-serp jidher qed jimmira għal riġlejn Ġesù, kif insibu fir-rakkont tal-waqgħa tal-bniedem fil-Ġenesi, f’dak li l-Tradizzjoni ssejjaħlu bħala l-Proto-Evanġelju (l-Ewwel Evanġelju), li qrajna fil-bidu nett ta’ din ir-riflessjoni.

Hija tentazzjoni—u mhux biss ta’ epoki oħra imma anke ta’ żminijietna—li neħlu nħarsu lejn is-serp u lejn is-selħiet fil-ħitan tal-Knisja. Mingħajr ma tinjorahom, erġa’ ħares fiss f’wiċċ Kristu u ħallih iħares lura lejk biex jiżgurak li, iqumu kemm iqumu rwiefen u burraxki, hu se jżomm il-wegħda tiegħu li se jibqa’ magħna sal-aħħar (ara Mt 28, 20).