It-taqtigħa bejn id-dlam u d-dawl
It-Tieni Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Paola
Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla. U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.
Ġwanni 3, 17-19
Minkejja l-gwarniċ pjuttost elaborat—kważi barokk—dan ix-xogħol ta’ Lazzaro Pisani hu maħdum fi stil modern u għandu kompożizzjoni tassew oriġinali li tiġbor flimkien ħafna elementi marbutin mad-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Iżda qabel ma nidħlu fil-fond ta’ dawn l-aspetti, tajjeb ninnutaw l-ambjent ta’ fejn din ix-“xena” tiżvolġi.
L-isfond tal-pittura hu magħmul minn ħitan u arkati li, minkejja li ma jidher kważi xejn minnhom, jidher ċar li l-artist ried joħloq ambjent intern, jiġifieri li Ġesù u l-bqija qegħdin ġewwa. Dan jiġi aċċentwat mill-fatt li l-arkata tan-naħa tal-lemin turina d-dlam ta’ barra, bil-qamar donnu qed jittawwal minn wara s-sħab. Għaldaqstant, għandna kuntrast bejn id-dawl ta’ ġewwa u d-dlam ta’ barra. Huwa l-istess kuntrast li joħloq l-Evanġelista Ġwanni meta, waqt l-aħħar ikla, xħin joħroġ Ġuda, jispeċifika li “Kien billejl” (Ġw 13, 30). Mill-fuklar taċ-ċenaklu, għas-sħana tal-ħbiberija u mdawwal minn dak li stqarr dwaru nnifsu “Jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 8, 12), Ġuda joħroġ għad-dlam taċ-ċaħda tal-Imgħallem. Ċaħad il-fidi għax ħabb id-dlam aktar mid-dawl billi għemilu kien ħażin (ara Ġw 3, 19).
Fl-istess waqt, minkejja li bilkemm tidher, fin-naħa ta’ isfel tal-fetħa li tagħti għal barra naraw li beda jżernaq. Tgħid huwa s-sebħ tal-Jum il-ġdid tal-Mulej, meta dawk li jemmnu f’Ġesù jsibu posthom f’Ġerusalemm tas-sema li, bħall-kamra tal-pittura, “ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar biex idawluha, għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta’ Alla, u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf” (Apok 21, 23)?
Anke jekk ikollna nħarsu lejn il-ħajja tagħna, ninnutaw li fina wkoll isseħħ din it-taqbida bejn id-dawl u d-dlam, bejn is-sħana tal-Qalb ta’ Ġesù u l-kesħa tal-ġiri wara r-riħ. U kuljum nimxu pass lura jew ’il quddiem f’din it-taqtigħa, bit-tama li, sa meta jibda jbexbex Jum il-Mulej, f’qalbna tkun telgħet il-kewkba ta’ filgħodu, li hu Kristu (ara 2 Pt 1, 19). X’se tagħżel illum? X’se tagħżel kuljum?