It-Trijonf tal-Imħabba
L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Trijonf tal-Imħabba, Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom,
b’rabtiet ta’ mħabba;
u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh,
u lejha mmil nitmagħha.
Hosegħa 4, 11
Għal darb’oħra se nerġgħu nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq wieħed mill-arazzi li dahri kienu jżejnu l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-jiem ta’ festa. Se nikkontemplaw xena allegorika: dik tat-trijonf tal-Imħabba. Dan l-arazz, bħall-kumplament, ġie kkummissjonat u mħallas mill-Gran Mastru Fra Ramon Perellós y Roccaful u nħadem il-Belġju fuq pittura ta’ Peter Paul Rubens (1577-1640).
Ix-xena tirrappreżenta purċissjoni trijonfali tar-rebħa tal-imħabba fuq il-ħażen. Minkejja d-direzzjoni tal-purċissjoni mil-lemin għax-xellug, ħafna mill-moviment idur madwar il-figura ċentrali: figura materna li tirrappreżenta l-virtù teologali tal-Imħabba, u li hawn tagħti lemħa lill-mod kif tiġi rrappreżentata l-Madonna bil-Bambin.
Ħafna mis-simboloġija, partikularment il-karru tad-deheb li fuqu hi riekba l-Imħabba u li hu miġbud minn żewġ iljuni, huma tipiċi tar-rappreżentazzjonijiet klassiċi tal-alla Griega Ċibele, omm l-allat u għaldaqstant magħrufa mir-Rumani bħala Magna Mater. Għalkemm f’għajnejna tista’ tidher stramba, imma huma ħafna l-istanti bħal dawn fejn l-ikonografija Nisranija tgħammed simboli pagani u tużahom biex twassal il-messaġġ tagħha—l-istess kif għammdet ċerti festi u ċelebrazzjonijiet pagani li kienu ferm b’saħħithom.
Anke fil-kultura tagħna, huma ħafna ċ-ċirkostanzi fejn dak li hu profan u dak li hu qaddis jitħalltu u jsiru żewġ uċuħ tal-istess munita. Il-mistoqsija li tqum waħedha hija jekk il-qalba ta’ din il-munita hijiex profana jew hijiex qaddisa. Jalla l-isforz tagħna jkun wieħed li jaqbel mad-dinamika tal-Inkarnazzjoni, fejn dak li hu tal-art tqaddes b’dak li hu tas-sema u, mingħajr ma belgħu waħda lill-oħra, il-qalba kienet Alla nnifsu.