Ix-Xetru u s-Salib
It-Tieni Riflessjoni: It-Trijonf tal-Knisja, il-Katidral tal-Imdina
Sliem għalik, artal għani tal-Vittma,
li t-tbatija żejjnitek bir-rebħ;
fuqek mietet il-ħajja biex tagħti
lilna l-ħajja w timliena bis-sebħ.
Liturġija tas-Sigħat, Innu tal-Għasar tal-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib
Aħna u nkomplu nikkontemplaw It-Trijonf tal-Knisja li tpitter mas-saqaf tal-Katidral tal-Imdina lejn tmiem is-seklu tmintax, nerġgħu nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq id-dinamika li hemm bejn Kristu u x-xbieha allegorika tal-Knisja.
Huwa Kristu li qiegħed inewwel ix-xettru tas-setgħa tiegħu u l-Knisja qed tilqgħu minn idejh. Il-qawwa mhijiex tagħha imma ta’ Kristu. Fl-Evanġelju nsibu kif Kristu meta kien fuq l-art ħalla din is-setgħa tiegħu lil Pietru (Mt 16, 19) u lill-appostli (Mt 18, 18; Ġw 20, 23). Setgħa li mhijiex ħakma— “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18, 36)—imma qawwa li żżomm ħajja fostna u twassal il-grazzja ta’ Kristu b’mod speċjali permezz tas-Sagramenti, li f’din il-pittura huma rrappreżentati kemm fix-xbihat Ewkaristiċi (kalċi, qamħ, għeneb) u kif ukoll bl-ilbies liturġiku.
Fl-istess waqt, anke l-għuda tas-salib hi ħierġa min-naħa ta’ Kristu u testendi għal fuq dahar il-Knisja bħal donnu jdellilha—tfakkira li anke l-misteru tas-salib tal-Mulej jitkompla fil-ġisem mistiku tiegħu. Kif insibu fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika:
Il-Knisja ma tidħolx fil-glorja tas-Saltna, jekk mhux permezz ta’ dan l-aħħar Għid li bih timxi wara Sidha fil-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja (ara Apok 19,1-9). Is-Saltna mhux se sseħħ fl-aħħar b’xi trijonf storiku tal-Knisja (ara Apok 13,8) li jiġi wara rebħiet dejjem akbar, imma bir-rebħa ta’ Alla fuq il-qilla tal-ħażen (ara Apok 21,2-4).
KKK, par. 677
Huwa fis-salib li tinsab ir-rebħa vera tagħna; huwa minn hemm li toħroġ kull qawwa; huwa bit-tbatija u l-qadi li tingħex b’mod qaddis kull setgħa u kull awtorità. Permezz tas-sinjal tad-dgħufija ta’ Alla aħna wkoll niksbu l-qawwa li nterrqu wiċċ l-art u nħallu lil Kristu jirbaħ iktar qlub għalih permezz tad-dgħufija tagħna.
Quddiem sitwazzjonijiet dejjem jinbidlu, nagħraf inqiegħed il-fiduċja tiegħu (sew bħala individwu u sew bħala membru ta’ komunità), mhux fil-qawwa tiegħi jew f’xi forma ta’ poter, imma fis-salib tal-Mulej li hu “l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1, 24).